Il-Gvern kompla bil-konsultazzjoni nazzjonali dwar il-Viżjoni Ekonomika ta’ Malta għall-għaxar snin li ġejjin.
Dan f’diskussjoni bejn il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri flimkien ma’ diversi mexxejja u kapijiet eżekuttivi minn setturi privati differenti fl-ekonomija Maltija fosthom l-industriji tal-manifattura, gaming, is-settur diġitali, finanzjarju, tat-telekomunikazzjoni, proprjetà u industriji oħra.
Fost oħrajn tul id-diskussjoni, il-Ministru Schembri rrefera għall-importanza tat-tqabbil tal-ħiliet mal-esiġenzi attwali tas-suq tal-impjiegi, b’dan tal-aħħar jipprovdi karrieri ta’ kwalità għolja u mħallsa tajjeb.
Barra minn hekk, il-Ministru nnota li t-tkabbir ekonomiku għandu jimxi id f’id mal-protezzjoni tal-ambjent, standards għoljin ta’ governanza,u r-responsabbiltà.
Huwa laqa’ wkoll l-interess li wrew il-mexxejja tan-negozju biex jikkontribwixxu l-ħsibijiet tagħhom
Il-Ministru Schembri stqarr: “Irridu naraw li dan id-dokument ikun viżjoni ta’ pajjiż u għalhekk qed nieħdu ideat. Dan huwa pajjiż żgħir, ir-riżorsi huma limitati u allura rridu nassiguraw li l-aqwa ideat li jkollna fil-pajjiż ikunu mpoġġija f’dan id-dokument ħalli meta niġu għall-implimentazzjoni naraw li nottjenu dak li verament irridu minn pajjiżna.”
ONE News tkellem ma’ numru ta’ Kapijiet Eżekuttivi fejn faħħru l-inizjattiva tal-Gvern li jitkellem u jinkludu l-ideat tas-setturi kollha f’din il-konsultazzjoni nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Quicklets, Steve Mercieca stqarr: “Illum naħseb li kienet inċentiva tajba ħafna, tkellimna ħafna fuq affarijiet bħall-ambjent, l-edukazzjoni, ix-xogħol u affarijiet li diġà nemmen li l-Gvern beda jagħmilhom u naħseb b’diskussjonijiet bħal dawn il-Gvern għandu access man-nies li huma fil-leadership group ta’ ħafna kumpaniji.”
Min-naħa tiegħu Godwin Caruana, faħħar dan id-dokument li nieda l-Gvern. Huwa sostna: “Il-bażi tad-dokument huwa tajjeb ħafna fl-opinjoni tiegħi. Jiddeskrivi numru ta’ pillars li nistgħu ninfluwenzaw l-istrateġija ta’ Malta going forward.”