Kien b’sensiela ta’ diskussjonijiet informali bit-tema ‘Stigma’ li bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Novembru li l-Fondazzjoni Ideat għażlet li tagħmelil-parti tagħha fil-ġlieda kontra l-istigma li teżisti fil-konfront ta’ gruppi ta’ nies fis-soċjetà tagħna.
Il-Fondazzjoni Ideat hija think tank tal-Partit Laburista, li xogħlha hu li tinstiga d-diskussjoni, tgħin fit-tfassil tal-politika tal-partit, u tikkontribwixxi għall-edukazzjoni tas-soċjetà.
It-tliet diskussjonijiet li saru s’issa bħala parti minn din is-sensiela kienu jiffukaw fuq l-istigma kontra l-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, il-persuni b’diżabilità,u l-persuni LGBTIQ.
L-aħħar diskussjoni se ssir it-Tlieta, din id-darba b’lenti fuq il-vizzji u l-kriminalità.
Ma’ One News, il-Viċi Chairman tal-Fondazzjoni Ideat, Brian Scicluna, tkellem dwar x’wieħed jistenna mid-diskussjoni tat-Tlieta.
Qal, “Għandna l-aħħar attività minn din il-kampanja, li se ssir nhar it-Tlieta 6 ta’ Diċembru, u se niddiskutu l-kriminalità u l-vizzji. Jiġifieri se niddiskutu, għall-arument, bniedem li xi darba xellef difrejh mal-ġustizzja għandu jingħata ċans ieħor fis-soċjetà? Kif tħares lejh is-soċjetà bneieem li xellef difrejh mal-liġi? U persuna, forsi, li kellu xi tip ta’ vizzju, jekk għandniex nafdawh, kif iħarsu lejh in-nies hemm barra? Jiġifieri dik hija l-idea tal-attività nhar it-Tlieta.”
Din l-aħħar diskussjoni informali mis-sensiela Stigma se ssir fid-6pm fl-Ispazju Kreattiv, il-Belt Valletta. Fiha se jieħdu sehem, fost l-oħrajn, xi ħadd li kien il-ħabs, kelliem mill-Fondazzjoni Rise, u persuna li taħdem ma’ dawk li għandhom il-vizzju tal-logħob.