L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali (l-ANSEK) organizzat konferenza annwali li fiha ġiet diskussa l-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali li ġiet imnedija riċentement. Il-konferenza ħabtet ukoll maċ-ċelebrazzjoni tat-tletin (30) anniversarju tat-twaqqif tal-kunsilli lokali.
Waqt il-konferenza ġew diskussi diversi temi permezz ta’ workshops fuq it-temi li ffurmaw il-ħames pilastri ewlenin li fuqhom tfasslet il-Viżjoni Strateġika. Dawn jinkludu l-ambjent, ir-riżorsi r,eġjonali għall-Kunsilli Lokali, u l-governanza tajba. Dawn id-diskussjonijiet fi gruppi tmexxew minn medjaturi li jispeċjalizzaw f’kull tema diskussa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, sostniet fuq l-importanza tad-djalogu kontinwu bejn l-imsieħba tal-Gvern Lokali, speċjalment issa li se jibda l-proċess tal-implimentazzjoni tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali
Qalet, “Inħarsu ’l quddiem, issa, sabiex nibdew nimplimentaw din il-viżjoni strateġika għall-ġid tal-Kunsilli Lokali u, fuq kollox, għall-ġid tar-residenti Maltin u Għawdxin.”
Intant, min-naħa tiegħu, il-President tal-ANSEK, Paul Gatt, fakkar fil-konsultazzjoni wiesgħa li saret mal-imsieħba kollha, inkluża l-ANSEK. Huwa qal li s-Segretarji Eżekuttivi tal-kunsilli lokali għandhom jaraw li jixprunaw il-bidla favur il-viżjoni nazzjonali.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Joyce Dimech, id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali, Natalino Attard, u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava.