Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard laqqa’ numru ta’ professjonisti legali li jaħdmu fis-settur tal-arbitraġġ biex jiddiskuti magħhom il-potenzjal ta’ pajjiżna fl-arbitraġġ internazzjonali.
Il-Ministru Attard skatta din id-diskussjoni billi tkellem dwar il-possibbiltà li l-arbitraġġ internazzjonali jkun żviluppat f’niċċa ekonomika ġdida f’pajjiżna.
“L-għarfien, l-esperjenza u l-ħiliet tal-professjonisti legali f’Malta għandhom ikunu l-forza ewlenija wara dan l-iżvilupp, sabiex nassiguraw li pajjiżna jkun relevanti, effettiv u attraenti għall-utenti internazzjonali,” sostna il-Ministru Attard filwaqt li esprima l-impenn tal-Gvern li jkun ta’ sapport għall-industrija, kemm mill-aspett ta’ promozzjoni u kif ukoll mill-aspett ta’ investiment neċessarju.
Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm il-ħtieġa ta’ infrastruttura iżjed b’saħħitha, aktar speditezza fl-arbitraġġ, aġġornar tal-proċedura tal-arbitraġġ u kif din tista’ tkompli tittejjeb u tattira setturi varji sabiex jagħżlu lil pajjiżna bħala d-destinazzjoni għall-arbitraġġ internazzjonali għal każi minn setturi strateġiċi bħalma huma l-Marittimu, l-Avjazzjoni, l-Online Gaming, il-Kostruzzjoni, is-Servizzi Finanzjarji, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni, il-Kummerċ Elettroniku, l-Enerġija u s-Sostenibbiltà.
Il-professjonisti min-naħa tagħhom esprimew interess qawwi biex ikunu parti minn dan il-proġett u sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom fl-iżvilupp taċ-Ċentru Internazzjonali tal-Arbitraġġ tan-Negozju.
Huma enfasizzaw l-importanza li ċ-ċentru jkun iffukat fuq il-klijent, b’servizzi effiċjenti u kompetittivi li jikkorrispondu mal-aqwa standards internazzjonali. Huma pproponew diversi ideat u rakkomandazzjonijiet dwar il-governanza, il-proċeduri u l-promozzjoni internazzjonali taċ-ċentru, bil-għan li Malta ssir destinazzjoni ewlenija għal arbitraġġ kummerċjali u tan-negozju fiż-żona Mediterranja.
“Nemmen li flimkien nistgħu noħolqu ċentru ta’ eċċellenza li mhux biss jibbenefikaw minnu l-professjoni legali, iżda wkoll l-ekonomija Maltija b’mod ġenerali,” temm jgħid Dr Attard.
Fost dawk preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, iċ-Chairman taċ-Ċentru tal-arbitraġġ Dr Paul Cachia u r-Reġistratur Dr Fiona Galea Farrugia.