“M’aħniex se nħallukom waħedkom u mhux se nieqfu naħdmu sakemm naraw li intom ukoll tingħataw id-drittijiet fundamentali tagħkom biex tkunu tistgħu tgħixu ħajjitkom fil-libertà u ħielsa minn kwalunkwe persekuzzjoni u vjolenza,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer fl-ewwel indirizz tiegħu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, b’mod dirett lill-persuni LGBTIQ fil-Polonja u l-Ungerija.
Engerer kien qiegħed jitkellem waqt id-dibattitu ppreżentat mill-Kummissarju Helena Dalli dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Ugwaljanza LGBTQ. Huwa rrefera għas-sitwazzjoni fil-Polonja u fl-Ungerija kif ukoll għal pajjiżi oħrajn barra l-Unjoni Ewropeja li qegħdin iċaħħdu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem liċ-ċittadini LGBTIQ tagħhom. Huwa qal li hija x-xewqa tiegħu li jara li dak li twettaq f’Malta, jitqies bħala l-ħolma u l-mira Ewropea f’postijiet oħra.
“Nemmen li l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu l-Gvernijiet, fi kwalunkwe stat, hu li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom, kemm jekk nisa, irġiel jew dawk li ma jpoġġux lilhom infushom f’kaxxa ta’ ġeneru, biex ikunu jistgħu jilħqu l-milja tal-kuntentizza tagħhom f’ħajjithom,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer.
Engerer tkellem dwar l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku tad-drittijiet LGBTIQ madwar l-Unjoni Ewropea kollha. “Jgħixu fejn jgħixu persuni LGBTIQ u l-familji tagħhom madwar l-Unjoni Ewropea, għandu jkollhom id-drittijiet, il-libertajiet u il-protezzjoni li kull ċittadin ieħor fl-Unjoni Ewopea għandu,” saħaq Engerer.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer għalaq l-indirizz tiegħu billi feraħ lill-Kummissarju Ewropew Helena Dalli u lit-tim tagħha għall-ewwel Strateġija Ewropeja għall-Ugwaljanza. “Din l-istrateġija qed tara li toffri l-protezzjoni lit-tfal kollha, irrispettivament identita’ tagħhom, madwar l-Unjoni Ewropeja kollha sabiex tassigura li kull ċittadin Ewropew jista’ jilħaq il-milja tal-kuntentizza,” temm jgħid Engerer.