Permezz tal-proġett magħruf bħala MedSudMed ġiet varata diskussjoni mifruxa fuq erbat ijiem li fiha esperti Maltin u Tuneżini qed jiffukaw fuq l-ispeċijiet aljeni fis-settur tas-sajd.
Speċijiet aljeni huma annimali u pjanti li jiġu introdotti aċċidentalment jew apposta fl-ambjent naturali fejn normalment ma jkunux jinsabu, u dan iħalli effetti negattivi fuq dak l-istess ambjent naturali.
Din l-inizjattiva se tkompli tkabbar l-għarfien u l-esperjenza dwar l-isfruttament tal-ispeċijiet aljeni madwar il-Mediterran, fosthom il-granċ blu.
Il-laqgħa qed issir f’pajjiżna wara s-suċċess tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Proġett li saret fit-Tuneżija f’Diċembru 2022. F’dan il-proġett qed jieħdu sehem l-Italja, il-Libja, it-Tuneżija, u Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, fetħet id-diskussjoni. Hija qalet li dan l-avveniment se jservi ta’ opportunità għall-pajjiżi msieħba sabiex flimkien jiddiskutu u jitgħallmu mill-għarfien ta’ pajjiżi oħra filwaqt li jibnu sħubijiet ġodda biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi futuri.