Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u s-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali ltaqgħu mal-Kumitat għas-Soċjetà Ċivili (CSC) fi ħdan l-MCESD biex jiġu diskussi l-proposti tagħhom għat-titjib tas-servizz ta’ tal-linja f’pajjiżna.
Fid-dawl li s-servizz tat-trasport pubbliku qed jingħata bla ħlas, u b’hekk id-domanda għalih qed tiżdied kuljum, u fid-dawl li l-Ministeru għat-Trasport flimkien mal-operatur u r-regolatur beda jħares lejn ir-rotot, il-frekwenzi u l-ammont ta’ vetturi li l-pajjiż għandu bżonn biex il-poplu jkollu għażla reali bejn l-użu tal-karozza u tat-trasport tal-massa, ingħata bidu għal-laqgħat ma’ numru ta’ imsieħba biex jiġu diskussi l-bidliet li hemm bżonn.
Il-Kumitat għas-Soċjetà Ċivili fassal numru ta’ proposti maħsuba għat-titjib fis-servizz u dawn il-proposti, flimkien ma’ ġabra ta’ esperjenzi u suġġerimenti ewlenin tal-pubbliku, ġew ippreżentati lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.
Il-Ministru Aaron Farrugia nnota b’mod pożittiv l-aħbar li l-MPT laħqet mal-50 miljun passiġġier fl-2022, u b’hekk kisret ir-rekord tagħha stess ta’ numru ta’ passiġġieri tal-2019. Huwa nnota wkoll li l-MPT rat żieda ta’ 40% s-sena li għaddiet meta kkumparat mas-sena preċedenti.
Spjega li beda l-proċess biex issir l-eletrifikazzjoni tal-flotta u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet, kif ukoll beda eżerċizzju li permezz tiegħu se jkun qed jesplora żieda u bidliet fir-rotot u l-frekwenzi flimkien ma’ żieda fil-bus lanes.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul faħħar l-inizjattiva tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili mhux biss għaliex studjaw sew dan is-settur, iżda għaliex meta fasslu l-proposti tagħhom taw ukoll widen lill-pubbliku.
Preżenti għal-laqgħa tal-lum kien hemm ukoll rappreżentati minn Transport Malta (TM) bħala r-regolatur u l-Malta Public Transport (MPT) l-operatur sa mill-2014. Din kienet ukoll l-ewwel laqgħa tal-Perit David Xuereb bħala ċ-Chairman il-ġdid tal-MCESD.