Pajjiżna għandu ħafna opportunitajiet ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tax-xogħol jekk jadatta u jimxi malajr lejn l-ekonomija l-ħadra.
Stqarr dan il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt li kien qed jieħu sehem f’diskussjoni online fl-okkażjoni tat-tmiem tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-materji li tqajmu waqt din id-diskussjoni kienu l-Baġit Ewropew 2021-2027, il-pakkett ta’ rkupru, il-miri tal-klima għall-2030 u Brexit fil-kuntest tal-pandemija u r-rispons tal-UE għal dawn l-isfidi bla preċedent.
Fid-diskussjoni l-Ministru Abela sostna li t-tranżizzjoni l-ekonomija l-ħadra trid issir bil-gvern, l-isħab soċjali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat jaħdmu id f’id. Dan iwassal għal ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol aħjar u iżjed favur l-ambjent għall-benefiċċju tal-ħaddiema, min iħaddem u l-pajjiż filwaqt li jgħin lil pajjiżna jkompli jirkupra ekonomikament mill-pandemija.
Il-Ministru Abela żied li l-isfidi ambjentali u tal-klima jridu jiddawru f’opportunitajiet ġusti u inklussivi għal kulħadd. Hawnhekk semma kif il-Baġit 2021 fih mat-377 miżura maqsumin f’diversi setturi li jiffukaw fuq l-ambjent sabiex jgħinu lil Malta teqleb lejn l-ekonomija l-ħadra.
Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar id-direttiva proposta mill-Kummissjoni Ewropea dwar pagi minimi adekwati billi qal kif dawn iwasslu għal benefiċċji fuq livell soċjali, inaqqsu d-diskrepanzi ekonomiċi, isostnu d-domanda domestika u anka parzjalment inaqqsu d-disparità fil-pagi bejn il-ġeneri.
Żied jgħid li għandu jkun żgurat livell ta’ għajxien diċenti u li jitnaqqas il-faqar fix-xogħol mhuwiex biss importanti fi żmien ta’ kriżi iżda essenzjali għal irkupru sostenibbli u inklussiv, sostna l-Ministru Abela filwaqt li nnota kif din id-direttiva ssaħħaħ il-kunċett tal-collective bargaining.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq li minkejja appelli ripetuti, hemm ħafna aktar xi jsir biex jingħelbu l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari.
Il-Ministru Evarist Bartolo appella lill-istati membri kollha tal-UE biex jerġgħu jingħaqdu u jaħdmu lejn progress ġenwin fuq il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà u biex jindirizzaw bis-serjetà l-għeruq tal-problema. “Din hija wkoll kwistjoni ta’ kummerċ – sakemm ma naqblux dwar ftehimiet kummerċjali aktar ġusti ma nistgħux nistennew li pajjiżi tal-oriġini jew ta’ tranżitu joħolqu impjiegi u ġid fit-territorji tagħhom”.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo tenna l-impenn ta’ Malta li taħdem mal-partijiet interessati kollha mhux biss biex tikkontrolla l-migrazzjoni irregolari iżda biex tiġġieled is-sindakati tal-kriminalità organizzata li japprofittaw mill-kuntrabandu tal-bnedmin u jiksru d-drittijiet universali tal-bniedem. Il-promozzjoni tal-kultura tad-drittijiet tal-bniedem tibqa’ kruċjali u ċentrali għall-isforzi kollha tagħna, ikkonkluda l-ministru.