Kulħadd sar jirrikonoxxi li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta u l-qofol tal-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Qalet dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana waqt attività ta’ diskussjoni l-Erbgħa filgħodu li ddiskutiet diversi strateġiji fis-settur tal-edukazzjoni qabel ma jiġu implimentati, fosthom dik ta’ età bikrija.
Dawk preżenti ġejjin minn oqsma differenti tal-edukazzjoni, kellhom iċ-ċans isemmgħu leħinhom fuq dak propost filwaqt li jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom ukoll.
Il-Ministru qalet li l-esperjenza edukattiva kienet pożittiva anki waqt pandemija, fejn pajjiż ċkejken bħal Malta rnexxielu jżomm l-iskejjel miftuħin meta l-maġġoranza tal-pajjiżi madwar id-dinja kienu kostretti jagħlqu minħabba t-tixrid tal-infezzjonijiet tal-Covid-19.
Dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji fis-settur, il-Ministru semmiet żewġ fatturi importanti; dak tar-riżorsi finanzjarji u umani, u l-proċess ta’ implimentazzjoni biex it-tranżizzjoni tkun effiċjenti.
Il-Ministru Caruana stqarret: “Dan huwa settur dinamiku u ħaj u importanti li nkomplu niġġeddu però iktar minn hekk imbagħad, fejn tiġi l-fażi tal-implimentazzjoni, trid tisma’ lil min hu direttament involut għax jimpatta mbagħad mhux biss id-duration ta’ kemm ħa ndumu biex nimplimentaw imma anki l-kif u x’riżorsi jkollok bżonn. L-importanti huwa li wasalna f’punt li mhux biss naġġornaw għax kien wasal li naġġornaw imma wkoll f’kuntest ta’ pandemija fejn tgħallimna ħafna u allura rridu li l-isfidi li ltqajna magħhom nibdluhom f’opportunitajiet għall-ġid tas-settur edukattiv kollu.”
Intant, lejlet sena skolastika ġdida, il-Ministru tkellmet dwar is-sentiment fost dawk li se jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola.
Il-Ministru Caruana sostniet: “Għandna ħeġġa kbira biex nerġgħu nidħlu fl-iskejjel tagħna. L-istudenti wkoll qed jidher li hemm ċertu ħeġġa speċjalment il-kbar li matul dawn l-aħħar xhur kienu qed isegwu l-lezzjonijiet online, kien hemm distakk soċjali u allura apparti l-preparazzjoni mill-aspett akkademiku hemm ukoll dan l-aspett li wieħed qed iħares lejh b’entużjażmu.”