Is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta organizzaw seminar li fih ngħatat ħarsa analitika lejn ir-rabta bejn in-nisa u l-opportunitajiet ta’ finanzjament minn Fondi Ewropej għal Malta.
Fis-seminar, bit-tema ‘‘Women and EU Funds”, ħadu sehem nies involuti fit-tfassil tal-politika; rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, ta’ entitajiet governattivi, u ta organizzazzjonijiet mhux governattivi; u individwi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, enfasizza l-importanza li kulħadd – irġiel u nisa – ikun jista’ jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija u għas-suċċess ta’ pajjiżna.
“Il-Gvern dejjem ra li jikkumbatti l-inugwaljanza, u l-fondi Ewropej qed nużawhom proprju f’dak is-sens. Did-darba, l-inugwaljanza bejn is-sessi qed tiġi indirizzata bil-fondi Ewropej. Kellna din il-konferenza, fejn kellna numru ta’ nisa jgħidulna l-esperjenzi tagħhom bil-fondi Ewropej u kif il-Gvern, issa, bil-pakkett tal-fondi l-ġdid se jkun qiegħed jinvesti biex in-nisa jkunu jistgħu jistudjaw ħalli jkollhom job aħjar mili għandhom sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u, iva, ikollna iktar nisa li jiftħu n-negozju tagħhom.”
Tkellmet ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg. Hija qalet li, filwaqt li pajjiżna jinvesti ħafna fis-soċjetà tagħna permezz ta’ fondi lokali, il-fondi tal-Unjoni Ewropea jgħinu wkoll biex jipprovdu opportunità unika biex jiġu ndirizzati l-ostakli sistemiċi li jistgħu jxekklu l-progress tan-nisa.
“Aħna bħala Gvern nemmnu li għandna bżonn ngħinu aktar lin-nisa biex jieħdu rwol ċentrali f’kull qasam tal-ħajja. Għaldaqstant, dan jidħol fis-seħħ mal-istrateġija nazzjonali, li varajna ftit tax-xhur ilu, sabiex nassiguraw li jkun hemm ugwaljanza fil-qasam tal-ġeneru, f’kull qasam tal-ħajja.”