Il-gvern għaddej b’diskussjonijiet sabiex jiġu identifikati l-aqwa soluzzjonijiet għat-traffiku f’pajjiżna, b’mod partikolari dawk il-ħinijiet fejn ikun hemm l-iżjed karozzi fit-toroq.
Dan anke waqt laqgħa bejn il-Ministeru għat-Trasport u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, fejn it-traffiku u s-soluzzjonijiet għalih kienu fiċ-ċentru tad-diskussjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo, fissret kif it-traffiku joħloq problemi għall-membri kollha tagħha, u għalhekk stqarret li konsultazzjoni u diskussjoni bħal din huma kruċjali sabiex titjieb is-sitwazzjoni.
Hija qalet li għal dan il-għan, il-gvern se jsib koperazzjoni sħiħa mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji.
Mamo qalet, “Hemm options differenti, hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu u ovjament kollox qed jiġi kkunsidrat f’dan il-punt. Aħna min-naħa tagħna nwiegħdu li se jkun hemm koperazzjoni sħiħa, hija problema li taffettwa l-membri u hija mportanti għalina. Għaldaqstant se naraw aħna x’nistgħu nagħmlu u naprezzaw li jkollna s-sapport tal-gvern kif jidher li se jkun hemm.”
Min-naħa tiegħu, il-konsulent u l-akkademiku, il-Professur Gordon Sammut, stqarr li dawn id-diskussjonijiet mistennija jħallu l-frott minħabba l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha.
Għalhekk, stqarr li jidher li l-partijiet jidru li huma kollha fi qbil, u għalhekk, jistgħu jibdew jiġu studjati aktar fil-fond il-proposti.
Il-Professur stqarr, “Jidher li hemm qbil ukoll li hemm bżonn bidla fil-kultura, fl-attitudni ta’ kif nużaw it-trasport hawn Malta, u jidher ukoll li hemm interess fiż-żewġ proposti li qiegħed jipproponi l-Ministru, dawk li huma tal-istaggered hours tat-traffic u dawk li huma ta’ riforma fis-servizz tal-buses.”
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Aaron Farrugia, stqarr li huwa sodisfatt bid-diskussjonijiet utli, iżda b’dan l-appoġġ, imiss issa li dawn l-ideat isarrfu f’ħidma u riżultati.
Il-Ministru rrimarka, “Hemm l-appoġġ, hemm l-aptit, hemm l-ideat li qed jiġu bihom, u allura nħarsu ’l quddiem biex, hekk kif niffinalizzaw il-proposta, inkunu verament nistgħu nagħlquha u nimplimentawha.”