Fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, ġie varat proċess ta’ riforma għas-settur tal-volontarjat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Hawn ġiet spjegata l-idea li titfassal leġiżlazzjoni ġdida rigward is-settur tal-volontarjat, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet jissaħħu filwaqt li tiġi rregolata l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Waqt il-varar ta’ dan il-proċess ta’ riforma, il-President ta’ Malta, George Vella tkellem dwar kif is-settur tal-volontarjat jagħmel ħafna ġid fil-ħajja t’eluf ta’ persuni f’pajjiżna.
Huwa qal kif ir-riformi msemmija għandhom jgħinu biex dan is-settur jikber permezz ta’ qafas legali modern.
Il-President irrimarka kif il-kobor ta’ dan is-settur f’pajjiż tant żgħir, li jkopri mal-elf u seba’ mitt organizzazzjoni, jirrifletti r-rieda tajba tal-Maltin. “Hawnhekk irrid nagħmel riflessjoni żgħira fuq dan l-ammont ta’ rieda tajba li għandna f’pajjiżna. Ħafna drabi nitkellmu b’mod negattiv, nitkellmu fuq in-nuqqasijiet u l-firdiet, però ejja nibdew nitkellmu l-ewwel u qabel kollox biex nitilqu mid-diskussjoni ta’ x’irridu għall-futur ta’ pajjiżna, fuq dak li diġà jgħaqqadna.”
Tul din il-konsultazzjoni tkellmu diversi msieħba fis-settur tal-volontarjat, fosthom il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba, il-Ministru għall-Inklużjoni u Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima.