Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella laqa’ lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Latvja, Edgar Rinkevics fejn tkellmu dwar ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi.
Qalu li ż-żewġ naħat qed iħarsu l’quddiem biex isaħħu l-koperazzjoni u jesploraw opportunitajiet ġodda fl-oqsma tat-turiżmu u l-investiment. Iż-żewġ naħat qablu li għandhom jikbru l-inizjattivi bilaterali bejn iż-żewġ pajjizi. U ma naqsux li jitkellmu dwar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Vella spjega l-prijoritajiet ta’ Malta b’referenza lejn il-migrazzjoni u l-ħtieġa li r-reġjun mediterranju jinżamm għoli fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Iddiskutew ukoll l-iżviluppi fil-Libja u s-Sirja u d-diffikultajiet fil-Lvant tal-Ewropa partikolarment it-Turkija u l-Ukraina.