Malta għandha tradizzjoni rikka fejn jidħlu d-diversi razez tal-klieb li jintużaw fil-kaċċa tat-tajr. Tkellimna dwar dan ma’ James Galea, iċ-Chairman tal-Klabb Klieb tal-Kaċċa ta’ Malta, ġurnata qabel il-wirja tal-klieb tal-kaċċa li ssir kull sena fl-Imnarja.
Galea spjega li llum il-ġurnata wieħed jista’ jsib kważi kull razza ta’ kelb li jintuża għall-għan tal-kaċċa, iżda jeżistu wkoll razez li huma indiġeni għal pajjiżna. L-użu ta’ dawn ir-razez ta’ klieb għall-kaċċa jmur lura mijiet ta’ snin.
Galea qal, “Insibu dokumenti, anke fiż-żmien il-Kavallieri, hemm dokumenti li juru li kienet issir il-kaċċa permezz tal-klieb, u naħsbu li minn dak iż-żmien oriġina l-kelb tal-kaċċa ta’ Malta, kif nafuh illum. Żgur li l-kelb tal-fenek ilu jeżisti ħafna, probabbilment minn żmien l-Eġizzjani, u ġie minn diversi ċivilizzazzjonijiet li invadew lil Malta u ġabuhom magħhom, u definittivament ilhom jintużaw għall-kaċċa tal-fenek minn dak iż-żmien.”
Intant, Lucas Micallef, il-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, tkellem dwar il-wirja tal-klieb tal-kaċċa li ssir fl-Imnarja.
Huwa qal li din is-sena se jkun qed jinġieb espert internazzjonali tal-klieb tal-kaċċa. Qal li avvenimenti bħal dawn isiru wkoll bl-għan li jiġu rikonoxxuti t-tradizzjonijiet Maltin f’pajjiżna, u anke lil hinn minn xtutna.
Micallef stqarr, “Dawn l-aħħar snin ħdimna ħafna biex nippromwovu r-razza, speċjalment tal-kelb tal-kaċċa ta’ Malta, speċjalment permezz tax-xogħol siewi li qed jagħmel il-Klabb tal-Klieb tal-Kaċċa ta’ Malta, li huwa fi ħdan l-FKNK, biex kemm jista’ jkun nissalvagwardjaw ir-razza, inqajmu aktar kuxjenza tar-razza, mhux biss fuq livell lokali imma anke fuq parametri internazzjonali, u proprju dak li huwa Malti għandna nkunu kburin bih u nippromwovu aktar l-identità tagħna lil hinn mill-gżira tagħna.”