Għawdex se jkollu servizz ta’ trasport ġdid fuq il-baħar, hekk kif tħabbar li lanċa se tibda taqsam mill-gżira tat-tliett għoljiet lejn diversi postijiet f’Malta fosthom, il-Belt Valletta.
Dan is-servizz mhux biss se jkun favur aktar konnettività bejn il-gżejjer, iżda wkoll se jservi ta’ benefiċċji għall-għexieren ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta u għan-negozji Għawdxin.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Borg stqarr, “Ħabbarna kif TM ħarġet is-sejħa biex nestendu s-suċċess li għandu s-servvizz tal-ferries fil-port il-kbir u dak is-servizz narawh jinfirez mal-pajjiż kollu anke fil-gżira Għawdxija u issa qed nagħtu lil Għawdex numru ta’ destinazzjonijiet bħala għażla inkluż il-Belt Valletta biex itejjeb il-konnettività tiegħu.”
F’laqgħa bejn iż-żewġ Ministri ġiet diskussa l-ħtieġa ta’ trasport aħjar u aktar effiċjenti bejn iż-żewġ gżejjer, filwaqt li qablu li l-Gozo Channel fadlilha futur u hemm bżonn li tkompli tissaħħaħ biex iġġorr il-passiġġieri u l-karozzi, kif ukoll il-merkanzija.
Fl-istess konferenza fil-vilaġġ ta’ San Lawrenz f’Għawdex ġew varati wkoll żewġ servizzi favur l-ambjent u inqas emmissjonijiet.
B’vann tal-elettriku u roti elettriċi, San Lawren huwa l-ewwel raħal li permezz tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità kien rebaħ fondi biex ikun jista’ jagħmel dan.
Dan seta jsir grazzi għall-fondi li l-Kunsill ta’ din il-lokalità rebaħ fil-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità fl-elfejn u sbatax.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq, “Ser tagħti servizz lill-komunità ta’ San Lawrenz kollha kemm hi b’mod speċjali lill-anzjani u għaldaqsant dan huwa proġett importanti u juri d-direzzjoni li rridu mmoru fiha b’użu aktar effiċjenti tal-enerġija pero aktar minn hekk noffru servizz lill-komunità u lill-anzjani tagħna u nħares ‘l quddiem biex naraw li aktar ‘l quddiem nintroduċu l-istess servizz f’aktar irħula f’Għawdex.”
Fil-konferenza tħabbar li t-tema tal-kompetizzjoni għal din is-sena se tkun favur in-nuqqas ta’ emmissjonijiet u mobilità sostenibbli, b’mod speċjali fir-rigward tal-mixi, ċikliżmu, u infrastruttura aċċessbili.