Fil-Lussemburgu, l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia kien preżenti għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għat-Trasport. Waqt din il-laqgħa, il-Ministri Ewropej iddiskutew il-Pakkett tas-Sigurtà fit-Toroq għall-ewwel darba.
Il-Ministri għat-Trasport tal-UE urew it-tħassib tagħhom għaż-żieda fl-inċidenti u fil-fatalitajiet fit-toroq Ewropej. F’dan il-kuntest u ġaladarba l-istess pajjiżi kienu ffirmaw dikjarazzjoni ta’ net zero, jiġifieri li l-ħidma għandha tkun biex ilkoll jimxu lejn ebda fatalitajiet, il-Ministri ddiskutew miżuri fuq livell Ewropew li għandhom jgħinu.
Malta laqgħet is-sett ta’ proposti li huma meqjusa bħala strumentali biex l-Unjoni Ewropea tilħaq l-għanijiet tagħha ta’ Viżjoni Żero, fejn ma tiġi rreġistrata l-ebda fatalità fit-toroq sas-sena 2050, u biex tiżgura toroq aktar sikuri għaċ-ċittadini kollha.
Ġie ppreżentat rapport ta’ progress mill-Presidenza Svediża lill-Ministri dwar il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva attwali li tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku.
Il-Ministru Aaron Farrugia laqa’ l-ħtieġa għall-valutazzjoni tal-ħiliet u l-għarfien tas-sewwieq marbuta ma’ teknoloġiji ġodda tal-vetturi flimkien ma’ fatturi ġodda ta’ riskju fit-toroq. Dan filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza tat-taħriġ għas-sewwieqa irrispettivament mill-età jew l-esperjenza li x-xufier għandu, u l-mixja lejn liċenzji diġitali.
Saru wkoll diskussjonijiet dwar l-istaġun tal-ivvjaġġar tas-sajf li ġej fejn il-Ministru Farrugia appoġġja l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni u kollaborazzjoni fost l-Istati Membri biex jiġi evitat dewmien u tfixkil fl-ivvjaġġar u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvjaġġaw bla xkiel.
Il-Ministri ġew aġġornati wkoll dwar bosta żviluppi riċenti dwar il-Fit-For-55 u l-implikazzjonijiet tiegħu fuq is-settur tat-trasport. Dawn il-proposti għandhom l-iskop li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55% sas-sena 2030.