Il-pensjonijiet ġew diskussi fid-dettall waqt business lunch organizzata minn STM Malta, fejn intqal kif għal pajjiż b’tant benefiċċji soċjali bħal pajjiżna, il-pensjonijiet jistgħu ikunu l-akbar uġigħ ta’ ras fl-ekonomija.
Dan b’mod speċjali meta pajjiżna għandu popolazzjoni li kull ma jmur, qiegħda tixjieħ.
Preżenti għal dawn id-diskussjonijiet kien hemm il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana appella lis-settur privat sabiex jgħin lill-Gvern jagħmel bidla bżonnjuża fil-kultura marbuta mal-pensjonijiet, fejn ħaddiema ta’ kull età jaħsbu dwar il-futur tagħhom mill-aktar fis possibbli.
Il-Ministru Caruana qal li “l-pensjoni hija xi ħaġa li forsi ħafna nies ma jagħtux kasha sakemm jaslu għaliha. Naħseb dik hija l-attitudni żbaljata għax illum il-ġurnata n-nies meta jixjieħu, l-aktar li għandhom probabbiltà fl-Ewropa li jibqgħu ħajjin. Għaldaqstant f’dak il-perjodu f’ħajtek meta tkun kwiet u jkollok iktar ċans li tgawdi ħajtek,huwa aktar importanti li jkollok ir-riżorsi finanzjarji disponibbli.”
Intant, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia stqarr li hemm bżonn aktar edukazzjoni dwar il-pensjonijiet minn età żagħżugħa. Saħaq ukoll li l-Gvern qed jimbotta l-kunċett t’anzjanità attiva u li l-anzjani jibqgħu parteċipi fis-soċjetà. “Il-Gvern qed jagħti opportunitajiet, ta’ anzjanità attiva, li minflok persuni jieħdu dik l-opportunità li għandhom li jirtiraw ta’ wieħed u sittin sena, li jkomplu fid-dinja tax-xogħol, u l-Gvern qiegħed jinċentiva lil dawk il-persuni biex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.”