Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri mexxa delegazzjoni Maltija fi Tripli, il-Libja, sabiex jissoktaw id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tas-sigurtà u l-immigrazzjoni irregolari.
Il-Ministru Byron Camilleri kellu laqgħat mal-Ministru tal-Intern Khaled Mazen u delegazzjoni mill-Ministeru għall-Intern, kif ukoll laqgħa mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet relatati mal-Immigrazzjoni Ijdid Maatouk Jadeed. Il-laqgħat indirizzaw diversi ideat kif l-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra l-kriminalità.
Id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti mill-Ministeru tad-Difiża u l-Gwardja tal-Kosta Libjana. Matul il-laqgħa ġew diskussi l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u oqsma ġodda ta’ taħriġ u żvilupp għall-forzi tad-difiża taż-żewġ pajjiżi.
Dawn il-laqgħat seħħew sena wara li Malta u l-Libja ffirmaw ftehim bilaterali sabiex jaħdmu flimkien kontra l-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari fiċ-ċentru tal-Mediterran. Filwaqt li ż-żewġ naħat qablu dwar l-importanza li l-Libja tibqa’ tkun mgħejuna sabiex tħares il-fruntieri marittimi tagħha, hemm bżonn ukoll li ssir ħidma sabiex ikunu mħarsa aħjar il-fruntieri tan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.
Filwaqt li rrikonoxxa li għad baqa’ ħafna xi jsir dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Ministru Camilleri faħħar l-impenn tal-awtoritajiet Libjani f’din l-aħħar sena.
“Sena wara li ġie ffirmat dan il-ftehim, l-awtoritajiet Libjani wrew li huma sieħba ġenwini fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-bnedmin. Filwaqt li sena ilu Malta kienet waħedha fuq din il-kwistjoni, illum sodisfatti li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll pajjiżi oħra Ewropej qed jagħrfu li din l-isfida ma tistax tiġi indirizzata mingħajr il-kontribut tal-Libjani”, qal il-Ministru Byron Camilleri.
Ritratti: MHSE