Il-Futur tax-Xogħol, illum u għada.
Din kienet it-tema ta’ business breakfast li laqqa’ diversi imsieħba soċjali taħt saqaf wieħed biex jiddiskutu l-qasam tax-xogħol għal ġejjieni.
Fost it-temi pertinenti li kienu diskussi f’din il-laqgħa kien hemm l-isfidi li t-teknoloġija tista’ ġġib magħha primarjament bl-intelliġenza artifiċjali u l-awtomizzazzjoni.
Matul il-laqgħa diversi esperti minn oqsma differenti qassmu l-ideat tagħhom kif il-pajjiż jista’ jkompli jkun proattiv billi l-għan aħħari jibqa’ li jogħla l-livell tal-kwalità tal-ħajja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja stqarr kif id-djalogu soċjali huwa pilastru ewlieni tas-suċċess ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Ġenerali qal li “Jeħtieġ li tikkonsulta u titkellem. Inti jekk ma nitkellmux bejnietna is-sħab soċjali, ikun falliment total tas-sistema. Il-General Workers’ Union bħala l-akbar trejdunjin li tirrapreżenta l-interessi tal-ħaddiema ovvjament trid tieħu b’mod attiv id-diskussjonijiet biex aħna nilqgħu dawn il-bidliet. Waħda minnhom hija pereżempju l-liġi li għamilna dwar il-pjattaformi.”
Fil-fatt fejn tidħol ir-regolamentazzjoni ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali, pajjiżna jinsab fuq quddiem hekk kif dawn il-persuni issa qegħdin igawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol li qabel ma kienux jingħatawlhom minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.
Dwar l-importanza ta’ djalogu soċjali tkellem ukoll iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, David Xuereb filwaqt li enfasizza l-punt ta’ upskilling u reskilling fejn il-ħaddiema fis-suq lokali jkunu aktar speċjalizzati u b’hekk kompettivi.
Iċ-Chairperson tal-MCESD qal “Sew jekk intix għadek qed tibda l-ħajja fil-karriera tiegħek, kif ukoll jekk inti żviluppat ħafna. Hemm bżonn li nirrealizzaw li għandna bżonn inbiddlu u ntejbu l-ħiliet tagħna. Permezz ta’ hekk biss nistgħu jkollna verament kwalità ta’ ħajja aħjar fejn l-iżvilupp mhuwiex biss ekonomiku imma wkoll huwa uman.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, sostna l-importanza ta’ dan il-qasam biex ikompli jintlaħaq il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Fil-fatt ingħata elenku tal-miżuri li diġà daħlu fis-seħħ biex jinkiseb dan il-bilanċ, fosthom bid-dħul tal-għaxart’ijiem leave lil missier jew it-tieni ġenituri wara li jkollhom tarbija bi ħlas kollu. Dan ingħaqad ukoll mal-carer’s leave, ġurnata bi ħlas għas-settur pubbliku u d-dħul ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol flessibbli.
Dr Ellul tkellem ukoll dwar aktar riformi li għad iridu jidħlu fis-seħħ fosthom biex jiġu ndirizzati anomaliji bejn liġijiet li jirregolaw ix-xogħol.
B’rabta mal-paga minima, s-Segretarju Parlamentari sostna kif twaqqaf kumitat li qiegħed jevalwa dan kollu. Fil-fatt sal-aħħar tas-sena l-Gvern mistenni li jirċievi r-rakkomandazzjonijiet mingħand l-esperti.
Dr Ellul tkellem dwar kif l-għan aħħari tal-Gvern huwa li jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-ħaddiem u min iħaddem.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal “Bħala Gvern proattiv aħna qed nilqgħu għal dawn l-isfidi u ndawruhom f’opportunitajiet. Jiena bħala Segretarju Parlamentari spjegajt ukoll ix-xogħol li qiegħed isir f’dak li għandu x’jaqsam ma’ regolamentazzjoni ta’ tamping agencies li hawnhekk qed nitkellmu fuq eluf ta’ ħaddiema. Bl-għan aħħari jkun li nibqgħu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll nagħtu sapport, inkunu ta’ sostenn anki għal min iħaddem.”