L-istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet u d-direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, kienu temi ewlenin li ġew diskussi waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Fil-fatt, fl-ewwel parti tal-laqgħa, rappreżentati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, u mir-Reġistru Kummċerjali ta’ Malta, ippreżentaw il-Direttiva l-ġdida dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà.
Din id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb ir-responsabbiltà tal-kumpaniji fir-rigward tas-sostenibbiltà.
Fit-tieni parti tal-laqgħa, ġiet diskussa l-Istrateġija l-ġdida dwar il-Ħiliet, li tiffoka fuq il-ħiliet diġitali u l-ekonomija ekoloġika.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li din il-laqgħa tkompli tikkonferma kemm hu importanti li l-istudenti jkollhom l-aqwa opportunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul enfasizza fuq l-importanza tal-ħiliet diġitali biex tħejji ż-żgħażagħ għall-futur.
Qal, “Waqt il-laqgħat tal-MCESD, importanti li nibqgħu niddiskutu temi importanti biex inkomplu nsaħħu d-dinja tax-xogħol. Fl-ewwel tema ddiskutejna d-direttiva tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala l-Corporate Sustainable Reporting Directive, l-obbligu li wieħed jirrapporta dwar temi tal-ambjent, dwar temi soċjali u dwar temi ta’ governanza u ddiskutejna kif din se timpatta l-kumpaniji Maltin.”
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb qal li dawn id-diskussjonijiet jenfasizzaw l-importanza tal-istrateġiji ekonomiċi ta’ pajjiżna, mas-suq tax-xogħol li dejjem qed jevolvu.