It-Tnejn filgħodu, il-Parlament Malti sebaħ b’diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena d-dieħla marbutin mal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Diskussjoni fejn id-deputati min-naħa tal-Gvern elenkaw il-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam li din is-sena se jara allokazzjoni finanzjarja rekord ta’ €910 miljun.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, semma r-rwol importanti tal-edukaturi f’dan il-qasam favur l-iżvilupp ta’ wliedna. Dan hekk kif għamel aċċenn għall-aħħar żviluppi b’rabta mal-tħabbira tal-azzjonijiet industrijali mill-Unjin Maltija tal-Għalliema, l-MUT.
Qal,“Dan ir-rikonoxximent se jkun anke rifless fil-pakkett finanzjarju mtejjeb, pakkett finanzjarju li hu stabbli u li joffri stabbiltà, pakkett finanzjarju li jara anke qabża sostanzjali f’dak li hemm illum.”
Sadanittant, il-Ministru Grima elenka l-ħemel ta’ miżuri li inkluda l-Baġit għas-sena d-dieħla, b’rabta mal-edukazzjoni u l-isport, fosthom l-għotja ta’ €500 għal tliet snin lil ġenituri ta’ tfal li jkomplu l-edukazzjoni Post-Sekondarja, iż-żidiet fl-istipendji u l-ħidma favur fl-infrastruttura edukattiva.
Semma wkoll is-suċċess fil-qasam sportiv u li proprju ġie kkonfermat, fost oħrajn, fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ftit tax-xhur ilu hekk kif Malta kklassifikat l-ewwel bir-rebħ ta’ numru rekord ta’ midalji.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-istess Ministeru, Keith Azzopardi Tanti, tenna li fl-oqsma li hu responsabbli għalihom, il-Partit Laburista qed iżomm mal-wegħdi tiegħu.
Qal, “Illum qed inkomplu nuru kemm għandna fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna billi, għall-ewwel darba fl-istorja, se nniedu l-Kunsill Konsultattiv taż-Żgħażagħ biex il-vuċi taż-żgħażagħ tkompli tinstema’. Mhux talli nemmnu fil-vuċi tagħhom, talli dan il-forum konsultattiv se jkun taħt il-kappa tal-Prim Ministru nnifsu.”
Sadanittant id-Deputat Laburista Omar Farrugia sostna l-importanza li ta l-Gvern lill-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna fl-aħħar snin.
Qal, “Gvern Laburista li, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, nefaq xejn inqas minn mija u għaxar miljun ewro f’għaxar snin f’immodernizzar ta’ skejjel.”
Id-Deputat Ray Abela rrimarka d-differenza fil-politika favur dan is-settur bejn il-Gvern Laburista u Gvern Nazzjonalista. Differenza li toħroġ biċ-ċar fl-allokazzjoni finanzjarja taż-żewġ amministrazzjonijiet fl-aktar baġits riċenti tagħhom.
Qal, “Baġit li jikkuntrasta mad-€910 miljun ta’ Baġit min-naħa ta’ Gvern Laburista għas-sena li ġejja. Baġit li kien ta’ €390 miljun u ż-żieda minn dik is-sena tal-2012 għall-2013 kienet ta’ €12-il miljun biss.”
Id-Deputata Katya De Giovanni sostniet ukoll dwar l-allokazzjoni finanzjarja li student fl-MCAST kellu fis-sena, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Qalet, “Biss biss ngħid li fl-2011 jien, li kont immexxi istitut li kellu ’l fuq minn 1,200 student, ingħatajt €10,000 bħala baġit, jiġifieri dak iż-żmien student li jattendi l-istitut tas-servizzi fil-komunità, skont il-PN, lanqas €10 f’sena sħiħa ma kien ħaqqu mill-Baġit allokat.”
Id-Deputata Abigail Camilleri rrimarkat is-sodisfazzjon tagħha għall-investiment bla preċedent tal-Gvern f’dan il-qasam.
Qalet, “Ilqajt bi pjaċir kbir il-fatt li għalkemm ninsabu fi żminijiet diffiċli, Gvern Laburista għal darb’oħra se jinvesti bis-saħħa fl-edukazzjoni.”