Il-pandemija tal-Covid-19 bidlet kull aspett tal-ħajja madwar id-dinja.
Dan kien is-suġġett ta’ konferenza mtella’ mill-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Pubblika, f’ġurnata oħra meta l-aħbarjiet madwar id-dinja kienu ddominati mill-pandemija.
Intqal li għalkemm madwar id-dinja ngħataw aktar minn biljun doża tal-vaċċin, għad fadal ħafna xi jsir biex din ir-realtà tiġi fi tmiemha.
Dr Natasha Azzopardi Muscat, Direttur Reġjonali fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, sostniet kif din il-marda tiddependi mill-aġir ta’ kulħadd, u għalhekk huwa importanti li wieħed jadatta għal dawn iż-żminijiet straordinarji.
Qalet, “Il-Covid kellha impatt mhux biss fuq is-saħħa tan-nies, fuq l-ekonomija u s-soċjetà, u għaldaqstant irridu nkunu ċerti li issa hekk kif inħarsu ’l quddiem, naraw ukoll x’ma kienx qed jaħdem qabel il-Covid u naraw kif nistgħu nirkupraw aħjar.”
Dr Azzopardi Muscat saħqet dwar l-importanza tal-ilbies tal-maskri u ż-żamma tad-distanza soċjali, u ngħaqdet ma’ ħafna li qed jappellaw għat-teħid tad-doża addizzjonali.
Spjegat, “Hawnhekk ukoll nerġa’ nagħmel appell biex meta l-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta jibagħtu għan-nies, in-nies tikkonkorri. Irrid ngħid, u hawn nagħmel ringrazzjament lill-poplu Malti għaliex rajna li Malta vera qiegħda ’l quddiem, in-nies ikkoperaw u fehmu u ġew ’il quddiem biex jieħdu l-vaċċin u din tista’ tagħmel id-differenza.”