Interventi oħrajn min-naħa tal-Gvern segwew id-diskors li għamel il-Prim Ministru Robert Abela dwar iż-żoni ekonomiċi esklussivi li se jkunu jistgħu jilqgħu proġetti ta’ enerġija rinovabbli li minnhom igawdi pajjiżna.
Fost dawk li kkummentaw fl-aħħar seduti Parlamentari tal-Erbgħa kien hemm il-Ministri Clyde Caruana u Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol stqarr li dak diskuss fil-Parlament jagħti l-abbiltà li l-pajjiż igawdi minn attivitajiet ekonomiċi ġodda u li għandhom valur miżjud għoli, filwaqt li huma sostenibbli. Hu qal li l-abbozz ta’ liġi se jagħti serħan il-moħħ legali lill-investituri daqslikieku l-proġetti prospettivi jkunu se jsiru fuq l-art.
Il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, qalet li l-Gvern mhux qed iħares lejn xi ħames jew sitt snin oħra, imma hija l-viżjoni fit-tul li tikkumplimenta mal-politika Laburista li qed tfassal il-pedamenti għall-ġejjieni. Hi semmiet li dan imur paripassu mal-inizjattivi oħrajn li ttieħdu riċentament favur enerġija nadifa.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, innotat l-importanza ta’ dak diskuss fil-Parlament li wkoll joffri opportunitajiet ta’ investimenti fis-setturi li hi tirrappreżenta.