Il-GWU se torganizza laqgħat mas-segretarji tagħha u mal-uffiċċju ta’ Alfred Sant dwar deċiżjonijiet u istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jinteressaw lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan intqal waqt laqgħa li Alfred Sant kellu mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. Kienet il-GWU li ssuġġeriet il-laqgħa mal-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew li matulha ġew diskussi r-riperkussjonijiet tal-aħħar żviluppi fl-UE fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Kien hemm qbil li l-politika ta’ one-size-fits-all hija ta’ dannu għall-istati membri żgħar tal-UE, inkluż Malta. Iż-żewġ naħat iddiskutew il-problema tal-prekarjat, id-differenza fil-pagi għall-istess xogħol bejn impjegati tal-gvern u dawk tal-privat.
Il-GWU esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-effetti tal-Brexit fuq industriji li jesportaw lejn ir-Renju Unit. Dr Sant qal li għad irid ikun magħruf l-eżitu tan-negozjati tal-Brexit fuq l-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit, il-futur tal-istudenti f’Universitajiet Britanniċi u x’se jkun deċiż dwar ‘life-pensions’ ma’ kumpaniji fir-Renju Unit.
Dr Sant semma d-direttiva tal-assigurazzjoni fejn kumpaniji Maltin tal-assigurazzjoni qegħdin jitolbu aktar żmien biex ikunu jistgħu japplikaw id-direttivi deċiżi mill-Kummissjoni Ewropea. “Huwa importanti li l-vuċi tal-istati membri ż-żgħar tinstema’ mill-Kummissjoni Ewropea għax waqt li stati kbar bħall-Ġermanja u Franza jistgħu jimplimentaw id-direttivi kif deċiż mill-KE, dan ma jistax isir minn kumpaniji fi stati żgħar bħal Malta.”
Is-Sur Josef Bugeja kien akkumpanjat mis-Sur Victor Carachi u s-Sur Kevin Camilleri.