Tliet drittijiet għall-persuni b’diżabilità, li joħorġu mill-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, ġew diskussi f’attività f’Għawdex organizzata mill-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità.
Din l-attività kienet parti minn programm ta’ attivitajiet li jfakkru l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tal-Federazzjoni.
Id-drittijiet diskussi kienu dawk tal-indipendenza u l-inklussività, id-dritt għall-edukazzjoni, u d-dritt għax-xogħol u impjieg.
Il-President tal-Federazzjoni, Marthese Mugliette, qalet li l-iskop ta’ din l-attività kien biex jitqajjem aktar għarfien dwar il-konvenzjoni ħalli sservi ta’ djalogu bejn dawk kollha nvoluti fis-settur.
“Aħna l-NGOs xtaqna li anki hawnhekk f’Għawdex nibdew inħejju u nippreparaw lilna nfusna biex kemm aħna l-Maltin u kemm l-Għawdxin, fuq l-istess linja nitkellmu fuq l-istess drittijiet tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha.”
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, li tkellmet dwar l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li ġiet adottata s-sena l-oħra.
Hija qalet kif din l-istrateġija timxi id f’id mad-drittijiet li ġew diskussi fil-konferenza u elenkat il-ħidma li saret u li qed issir biex dawn id-drittijiet jingħataw fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabilità.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li saħaq kif fl-aħħar snin, il-persuni b’diżabilità f’pajjiżna – inkluż f’Għawdex, gawdew minn diversi inizjattivi.
Dan hekk kif Gvern Laburista jemmen tassew li persuni b’diżabilità m’għandhomx jitħallew jaqgħu lura u għandhom igawdu minn inklużjoni sħiħa.