Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li biex naraw tkabbir sostenibbli fl-ekonomija, irridu niffukaw iżjed fuq il-valur tal-ħaddiem u l-edukazzjoni u b’hekk titnaqqas id-dipendenza ekonomika fuq setturi bħall-kostruzzjoni. Dan meta mistoqsi dwar l-importanza tal-ambjent u tal-kultura f’Għawdex waqt it-tielet laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika fiċ-Ċittadella.
Waqt l-attività, il-pubbliku qajjem diversi temi għad-diskussjoni fosthom is-suq tax-xogħol f’Għawdex, l-insularità tal-gżira, l-ambjent, l-ispazji miftuħa, l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 u s-settur turistiku.
Il-Ministru Clyde Caruana sostna li jekk inżidu l-potenzjal ta’ persuna permezz tal-edukazzjoni, niftħu lil dik il-persuna iżjed opportunitajiet u dħul, u b’hekk il-pajjiż bil-mod il-mod jibda jinbidel.
Il-Ministru Caruana qal ukoll li l-investiment fl-ekonomija l-ħadra se jkompli b’iżjed inċentivi favur infrastruttura u mezzi sostenibbli, bħall-karozzi elettriċi.
Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa 29 ta’ Settembru fi Triq il-Kortil tal-Gran Mastru, Ħal Qormi.
Ritratti: (MFE)