- F’pajjiżna hawn 3,189 residenza bi dħul inqas mill-Budget Minimu Essenzjali kif inhu kkalkulat bħalissa
- Minn dawn, 1,497 m’għandhomx dħul minn impjieg
Innota dan Dr Gordon Cordina fi preżentazzjoni quddiem l-imsieħba tal-MCESD, fejn dalgħodu qed jiddiskutu ż-żieda fil-paga minima.
Cordina u l-Professur Lino Brigulio tqabbdu mill-MCESD biex iħejju żewġ rapporti dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, u x’miżuri jistgħu jittieħdu partikolarment x’effett tista’ tħalli żieda fil-paga minima.
Fiż-żewġ preżentazzjonijiet spikka l-fatt li żieda fil-paga minima tgħin lil uħud joħorġu mill-faqar, imma l-problema ta’ faqar assolut hija sfida ikbar, għaliex hemm numru mhux żgħir ta’ residenzi fejn id-dħul mhux ġej minn impjiegi. Għaldaqstant il-problema mhijiex ta’ paga baxxa, imma iktar fundamentali ta’ nuqqas ta’ impjieg.
Fost il-miżuri proposti miż-żewġ kelliema hem; li tiżdied il-paga minima, imma taħt numru ta’ kundizzjonijiet li jiżguraw il-kompetittività tal-industrija u l-ħaddiema u t-twaqqif ta’ kumitat apposta li jiddiskuti mhux biss il-paga minima imma anke dħul baxx.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli nnutat li fl-aħħar tliet snin u nofs il-Gvern ħadem biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tikber u tissaħħaħ.
Issa jmiss li jsiru d-diskussjonijiet ħalli jkun żgurat li l-ġid verament jitqassam ma’ kulħadd.