Waqt konferenza organizzata mill-Anti-Poverty Forum Malta bit-tema ‘Impenn għall-Kenn’, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li se tiġi diskussa proposta li saret min-naħa ta’ APS Bank sabiex tinbeda skema ta’ self għall-persuni bi dħul baxx li jifilħu jħallsu loan iżda ma jifilħux iħallsu l-10% tas-self bil-quddiem.
Qed isiru numru ta’ diskussjonijiet ma’ diversi kuntratturi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kirjiet għoljin. Il-Ministru Farrugia qal li permezz tal-irduppjar tas-sussidju se jkun hemm numru ikbar ta’ nies li jibbenefikaw u b’hekk jittaffew ftit id-diffikultajiet ta’ housing soċjali.
Huwa tkellem dwar il-proġett ta’ housing soċjali ta’ 50 miljun u fakkar li n-nies li se jgawdu minnu għaddejjin minn problemi soċjali. Għalhekk, mhu se jkun hemm l-ebda kompetizzjoni mal-privat, filwaqt li spjega li dan il-proġett se jagħti kenn soċjali għall-persuni bi dħul baxx. Il-Ministru rrefera wkoll għal-liġijiet li għandhom iħarsu lill-inkwilin iżda fl-istess ħin jaraw li ma jsirx abbuż. Fakkar li huwa importanti ferm li ma’ kull kirja jsir kuntratt sabiex kulħadd ikun protett bil-liġi.
‘‘Ma nistgħux inħallu persuni jgħixu f’riskju ta’ faqar jew jiddependu biss fuq il-benefiċċji soċjali. Huwa għalhekk li qed naħdmu sabiex ngħinu aktar nies jimxu ‘l quddiem’’, temm jgħid il-Ministru Farrugia.