Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva organizza konferenza nazzjonali bl-isem ta’ ‘Sexuality and Intimacy in Later Life: Towards a National Policy Framework’. Fost il-kellima ta’ din il-konferenza kien hemm professjonisti minn oqsma varji, fosthom mill-Università ta’ Malta, kif ukoll il-Prof Trish Hafford-Letchfield, mill-Università ta’ Middlesex. Huma tkellmu fuq il-ħtieġa ta’ aktar tagħrif fuq is-sesswalità tal-anzjani u li jitneħħa t-tabù marbut ma’ dan is-suġġett. Is-sesswalità huwa suġġett li jolqot lil kull individwu, inkluż l-anzjani, għalhekk huwa importanti li l-ħaddiema li jaħdmu fil-qrib mal-anzjani, il-pubbliku, l-anzjani nfushom, kif ukoll qrabathom, jedukaw ruħhom fuq dan is-suġġett. Il-konkorrenza għal din il-konferenza kienet estraordinarja, u dan juru l-ħtieġa ta’ edukazzjoni fuq is-suġġett sensittiv tas-sesswalità, partikolarment is-sesswalità fost l-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis stqarr li din il-konferenza hija l-ewwel waħda fost id-dibattiti li ser ikun hemm fil-futur fuq dan is-suġġett sensittiv u importanti. Ħafna drabi dan is-suġġett sfortunatament jintefa’ taħt it-tapit, iżda wasal iż-żmien li jkun hawn spazju għal diskuzzjonijiet, dibattiti u riċerka f’dan il-qasam. Irid ikun żviluppat qafas sabiex jgħin lill-professjonisti fis-settur tal-anzjani u jingħata t-taħriġ u l-għajnuna neċessarja lill-ħaddiema li jaħdmu ta’ kuljum mal-anzjani. Il-perspettiva tal-anzjani nfushom trid ukoll tingħata widen. L-anzjani għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-politika tagħna u tal-pjanijiet tal-kura tagħhom.