Is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol kienet tema ewlenija li ġiet diskussa waqt konferenza li ttelgħet mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond.
Fost l-oħrajn tkellem David Spiteri Gingell, li għandu l-bipolar. Huwa qal li l-esperjenzi tiegħu b’din il-kundizzjoni fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll l-azzjonijiet tal-kollegi u l-kapijiet tiegħi, influwenzaw bis-sħiħ l-approċċ tiegħu lejn is-saħħa mentali.
“Il-messaġġ tiegħi huwa li bl-assistenza, bit-tagħlim, wieħed m’għandux jibża’ milli jimxi u jkun suċċess għal fatt li għandu kundizzjoni mentali jew kundizzjoni mentali bħal tiegħi.”
Il-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni bi sfidi mentali, Denis Vella Baldacchino, tkellem dwar l-importanza ta’ din il-konferenza.
“Jekk ma ninvestux dwar is-saħħa mentali l-effetti negattivi tagħhom jaffettwa tant individwi, jaffettwa l-intrapriża fejn wieħed jaħdem. Importanti li nkunu iktar konxji tal-għajnuna li għandhom bżonn l-impjegati tagħna, tas-sapport li għandhom bżonn tagħna, postijiet tax-xogħol li għandhom ikunu idonji għall-ħaddiema tagħna. Importanti li anki l-ħaddiema jkunu jafu fejn se jfittxu l-għajnuna f’mumenti diffiċli.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar qalet li meta wieħed jieħu ħsieb is-saħħa mentali tal-impjegati tiegħu, mhux biss joħloq ambjent tax-xogħol aktar pożittiv, imma jissaraf f’riżultati ekonomiċi aħjar.
“Din il-konferenza turi kemm hu importanti li aħna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna fil-post tax-xogħol. Aħna bħala employers u employees, importanti ħafna li nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna, mhux biss id-dar, imma x-xogħol ukoll.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, li sostniet kif persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali jista’ jkollhom impjieg u jkunu inklużi fuq il-post tax-xogħol.