Ġiet diskussa riċerka li saret dwar il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità li huma parti mill-komunità LGBTQ, u l-isfidi li dawn jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Id-diskussjoni saret fl-Università L-antika fil-Belt Valletta. Preżenti kien hemm diversi persuni li jaħdmu f’dan l-ambitu, fosthom il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, kif ukoll membri minn organizzazzjonijiet mhux governattivi fosthom il-Malta Gay Rights Movement.
Ma’ dan l-istazzjon tkellem ir-riċerkatur Matthew Vassallo, li spjega r-riżultati ta’ dan l-istudju.
“Mir-riċerka sibna li persuni b’diżabilità li jidentifikaw bħala LGBTIQ+ jaffaċċjaw diversi sfidi fil-ħajja, partikolarment meta jiġu biex jagħmlu l-coming out. Dan minħabba li mhux dejjem jiġu emnuti li huma veru qed jidentifikaw bħala LGBTIQ+.”
Huwa ra wkoll sfidi oħra li jaffaċċjaw nies b’diżabilità u LGBTIQ+ tul ħajjithom, fosthom fl-edukazzjoni u fil-post tax-xogħol. Minkejja dawn l-isfidi, huwa xorta waħda ra li hemm soluzzjonijiet, sabiex kull persuna fis-soċjetà tkun inkluża u tkun tista’ tgħix ħajjitha bl-aqwa mod possibbli.
“Mir-riċerka ħriġna wkoll diversi rakkomandazzjonijiet, fosthom li hemm bżonn ta’ ħafna aktar għarfien fuq dan is-suġġett, mhux biss fis-soċjetà imma anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għarfien għal min iħaddem, għall-edukaturi, għall-NGOs, u anke għall-persuni li jaħdmu ma’ nies b’diżabilità, speċjalment persuni b’diżabilità intellettwali. Hemm bżonn ukoll iktar spazju u avvenimenti iktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, speċjalment fil-komunità LGBTIQ+.”
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, li qalet li, min-naħa tal-Gvern, saret ħidma sinifikanti f’dawn l-għaxar snin b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet mhux governattivi.
Qalet ukoll li riċerka bħal din tagħti bażi soda għal aktar azzjonijiet fid-direzzjoni t-tajba.
“Smajna l-esperjenzi ta’ persuni li għad għandhom ċerti sfidi li jaffaċċjaw fir-realtajiet tagħhom kuljum. Għalhekk, din ir-riċerka se sservi bħala bażi tajba sabiex inkunu nistgħu niggwidaw il-politika tagħna sabiex nassiguraw li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs.”
Intant, il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, qalet li r-riżultati tar-riċerka li ġiet diskussa juru evidenza ta’ soċjetà li kull ma jmur dejjem qed tinbidel.
“Dak li rajna llum kien eżempju ċar li s-soċjetà evolviet, is-soċjetà qed tkompli tinbidel, u li persuni b’diżabilità nfushom li għandhom xewqat differenti li jridu juru s-sesswalità differenti tagħhom, din hija l-bidu ta’ bidla ikbar fis-soċjetà tagħna.”