F’laqgħa virtwali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Istat tar-Renju Unit, Lord Frost CMG ġew diskussi diversi temi fosthom, ir-relazzjoni bejn Malta u r-Renju Unit.
Diskuss ukoll kien hemm l-irkupru ekonomiku u tat-turiżmu wara l-pandemija COVID-19 u dwar l-iffaċilitar tal-ivjaġġar bejn iż-żewġ pajjiżi li jinsabu fi stadju avvanzat tal-programmi tal-vaċċinazzjoni rispettivi tagħhom.
B’referenza għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ministri esprimew l-impenn ta’ Malta u tar-Renju Unit li jkomplu jfittxu l-aqwa relazzjonijiet bejniethom, sew fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali. Huma qablu li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-investiment u l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi oqsma, fosthom fis-servizzi finanzjarji u fl-ekonomija diġitali.
Bl-istess mod, il-Ministri qablu li jsaħħu r-rabtiet bejniethom fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, liema rabtiet imorru lura ħafna snin u għandhom għeruq sodi fost iċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi. F’dan il-kuntest, il-ministri tennew l-impenn tagħhom li jkomplu jħarsu l-interess reċiproku taċ-ċittadini taż-żewġ naħat, li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw f’Malta jew fir-Renju Unit.
Il-Ministri qablu wkoll li jkomplu jikkoperaw u li jsaħħu tali koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fid-diversi forom tagħha u li jaħdmu flimkien favur is-sigurtà fil-Mediterran u lil hinn.
It-taħdidiet iffukaw ukoll fuq ir-riformi istituzzjonali li qed timplimenta Malta, fosthom it-tneħħija tal-libell kriminali, liema riforma kompliet issaħħaħ il-libertà tal-kelma f’Malta. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo qal li Malta ngħaqdet mal-Koalizzjoni tal-Libertà tal-Media li ġiet varata mir-Renju Unit, u tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq ir-riformi meħtieġa favur is-saltna tad-dritt.
Matul il-laqgħa ħa sehem ukoll il-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Kummerċjali bejn Malta u r-Renju Unit, Dott. Mario Vella.