Fil-konferenza tal-Partit Laburista ġiet diskussa l-possibbiltà ta’ emenda kostituzzjonali, biex din tirrikonoxxi d-dritt tal-inklussività tal-arti u l-kultura.
Bit-tema “Inġeddu Ħidmietna fl-Arti u l-Kultura” ll-attività laqgħet professjonisti mill-qasam, fosthom l-esperta Sarah-Lee Zammit, li sostniet li fil-ħmistax –il sena t’esperjenza tagħha, dan il-qasam avvanza b’mod sinifikanti.
Hawn tkellem ukoll il-kompożitur Elton Zarb li wera sodisfazzjon li aktar persuni qed jibnu karriera f’dan il-qasam.
L-antropologa Dr.Rachael Scicluna sostniet li b’xorti tajba s-settur tal-arti u l-kultura huwa wieħed voċiferu f’pajjiżna, u li l-pandemija wriet li dan is-settur huwa wieħed fost l-aktar reżiljenti.
Michael Spagnol, lettur fl-Università ta’ Malta spjega li hemm bżonn li mal-arti Maltija tiġi emfasizzata l-lingwa tagħna.
Qal, “Nemmen li rridu nsaħħu l-prodott Malti, jiġifieri naraw ħafna fil-mużika, fil-kamp teatrali u f’ħafna oqsma oħrajn qed naraw produzzjonijiet bil-Malti jiżdiedu, imma il-kwantità mhux bilfors tirrifletti l-kwalità. Nemmen li rridu naħdmu iktar fuq it-taħriġ, ta’ lirika miktuba tajjeb bil-Malti u produzzjonijiet teatrali miktubin bil-Malti.”