L-istatistika turi żieda fil-vjolenza għal raġunijiet ta’ etnija u ta’ reliġjon, partikolarment fil-Lvant Nofsani. Din hija xejra preokkupanti li trid tingħata aktar attenzjoni jekk irridu nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità umana, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, waqt it-Tielet Konferenza Ministerjali Internazzjonali dwar il-Vittmi tal-Vjolenza Etnika u Reliġjuża fil-Lvant Nofsani. Il-konferenza saret fil-Palazz ta’ Egmont, fi Brussell, nhar it-Tnejn, l-14 ta’ Mejju 2018 u kienet ospitata mir-Renju tal-Belġju u kopreseduta mir-Repubblika Lebaniża.
Il-konferenza laqqgħet flimkien lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani kif ukoll ta’ pajjiżi oħrajn li huma mħassbin b’kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni fir-reġjun. Attendew ukoll rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Belġjan, esperti magħżulin, u rappreżentanti ta’ komunitajiet milqutin. Bħala parti mill-konferenza, il-Ministri preżenti kellhom ukoll pranzu ta’ ħidma mar-Re Filippu tal-Belġjani.
L-għan ta’ din il-konferenza ta’ ġurnata kien li tingħata ħarsa lejn il-qagħda ta’ bħalissa wara d-disfatta militari tad-Da’esh u li jiġu vvalutati l-azzjonijiet li ttieħdu wara l-ewwel u t-tieni konferenzi Ministerjali Internazzjonali fuq l-istess tema, li saru f’Pariġi fl-2015 u f’Madrid fl-2017 rispettivament. Barra minn dan, ġie ddeterminat liema azzjonijiet għandha tieħu minn issa ’l quddiem il-komunità internazzjonali. Il-prijoritajiet ta’ Brussell semmew il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali taħdem b’mod proattiv f’oqsma bħal dak li jingħata kont għar-reati mwettqin mid-Da’esh, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet differenti li huma affettwati mill-kunflitti fil-Lvant Nofsani. Barra minn hekk, il-konferenza nkoraġġiet lill-pajjiżi tar-reġjun biex jaraw li jsaħħu l-inklużività fl-istituzzjonijiet tagħhom, kif ukoll biex jenfasizzaw l-aspett preventiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Il-Ministru Abela qal li Malta tappoġġja l-ħidma kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Malta tilqa’ bi pjaċir ir-reviżjoni li se ssir tal-Istrateġija Globali tan-NM kontra t-Terroriżmu, u ttenni l-ħtieġa li l-istrateġija tiġi ffukata mill-ġdid sabiex tantiċipa u tadatta għall-evoluzzjoni tat-theddidiet, fosthom b’amodi operandi innovattivi u li qed jitfaċċaw.
“Fil-kuntest ta’ theddida li dejjem qed tevolvi, bħala membru tal-UE Malta hija ħerqana li tara enfasi fuq it-terroriżmu li jitrawwem fil-pajjiż li jisfa attakkat innifsu, kif ukoll fuq l-użu abbużiv tal-internet u tal-meida tal-kuntatti soċjali,” qal il-Ministru Abela. “Prijorità ewlenija oħra mas-sħab kollha fir-reġjun għandha tkun il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, bl-iżvilupp ta’ narrattiva alternattiva u b’sorveljanza tat-tagħlim estremist – mingħajr ma titnaqqar il-libertà reliġjuża. Hemm bżonn ukoll li ssir riforma tal-approċċ ġudizzjarju, filwaqt li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ġellieda terroristi barranin. Huwa importanti wkoll li jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt u li l-proċess ġudizzjarju u tal-infurzar tal-liġi kontra t-terroriżmu jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem.”
Huwa hawnhekk li sħubiji ma’ istituzzjonijiet li jipprovdu t-taħriġ u l-pariri esperti dwar kif jiġu żviluppati s-sistemi tal-ġustizzja u tas-sigurtà – bħall-International Institute on Justice and the Rule of Law (l-IIJ), li jopera minn Malta – jiksbu valur miżjud, qal il-Ministru Abela. Minn mindu l-IIJ infetaħ fl-2014, kienu aktar minn 3,000 professjonist bħal leġiżlaturi, uffiċjali tal-Pulizija, prosekuturi, u ġudikanti minn bnadi differenti tad-dinja, inkluż il-Lvant Nofsani, li pparteċipaw fi programmi tiegħu dwar kif jiġu indrizzati t-terroriżmu u l-attivitajiet kriminali transnazzjonali relatati miegħu fil-qafas tal-istat tad-dritt.