Fil-Parlament, it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, beda d-diskussjoni fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-abbozz ta’ liġi li se jwassal għall-introduzzjoni ta’ moniteraġġ elettroniku.
Bil-mod kif se titħaddem din il-liġi, se tilħaq żewġ għanijiet prinċipali: protezzjoni aħjar għall-vittmi u ċans aqwa ta’ riabilitazzjoni.
B’hekk, din is-sistema għandha sservi biex jiġi sospiż l-obbligu li, f’każi meqjusin minuri, detenut, flok ikun konfinat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jiġi konfinat f’post ieħor b’ordni tal-Qorti, anke b’possibbiltajiet ta’ xogħol jew edukazzjoni.
Dan biex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom lura fis-soċjetà.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega fid-dettall x’inhu dan l-apparat.
“X’inhu electronic monitoring? Hi brazzuletta elettronika li tintlibes minn persuna ġeneralment mas-saqajn. Hi brazzuletta li tuża t-teknoloġija li tibgħat continuous location ta’ dak il-persuna u tuża ċertu teknoloġija marbuta ma’ ċerti regoli li jkun hemm marbutin magħha.”
Ministru Byron Camilleri
Sadanittant, il-Ministru spjega li l-moniteraġġ elettroniku ikun possibbli li jinħareġ fi tliet raġunijiet speċifiċi.
Dan fosthom b’ordni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza ta’ mhux aktar minn sena ħabs, iżda dik l-ordni m’għandhiex tapplika meta l-persuna tinstab ħatja ta’ reat li jista’ jkun suġġett għal aktar minn sentejn priġunerija.
It-tieni raġuni titħaddem għall-priġunieri li huma eliġibbli għal prison leave, skont ir-regolamenti preżenti u meta priġunier jingħata l-ħelsien mill-arrest skont l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega wkoll li, fil-każ ta’ vjolenza domestika, din l-għodda ma tintużax biss fil-konfront ta’ persuna ssentenzjata, iżda tintuża wkoll bħala għodda ta’ prevenzjoni.
Hawnhekk elenka li, wara parir minn attivisti u professjonisti, se tkun qed tiġi ppreżentata emenda fi stadju ta’ Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġijiet tal-Parlament li tagħti fakultà lill-vittma, dejjem jekk trid hi, li tkun monitored ukoll, b’mod volontarju