F’konferenza li ddiskutiet l-innovazzjoni fl-industrija tal-avjazzjoni, ġie propost li jintużaw trakkijiet elettriċi biex jirmunkaw l-ajruplani bejn il-bibien u r-runway.
Dan ikun ifisser li l-magni tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jibqgħu mitfija sakemm l-ajruplan ikun miexi fuq l-art, u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet, l-istorbju, l-użu tal-brejkijiet u l-ispejjeż tal-manutenzjoni.
Dan fid-dawl li l-industrija tal-avjazzjoni qed tħares li tadotta teknoloġiji aktar sostenibbli u favur l-ambjent għall-fażijiet kollha tat-titjira.
Għall-attività b’rabta mal-proġett SATMET imtella’ fl-Esplora, attenda l-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li saħaq fuq l-importanza ta’ proposti bħak dawn biex wieħed jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni ħalli jkun iġġenerat aktar ġid ekonomiku lejn pajjiżna.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Dan il-proġett li tkellimna dwaru llum huwa l-mudell ta’ kif irridu nimxu ’l quddiem fejn tidħol riċerka u innovazzjoni billi nġibu flimkien l-industrija – f’dan il-każ l-avjazzjoni – u riċerkaturi u akkademiċi sabiex bis-saħħa ta’ finanzi li jingħataw mill-MCST inkunu nistgħu noħolqu soluzzjonijiet li jagħmlu differenza fil-post tax-xogħol ta’ ħafna nies u jġibu dak l-aspett tal-industrija aktar kompetittiv.”
Il-proġett SATMET ingħata kważi mitejn elf ewro fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, bil-għan li jgħin fit-tisħiħ tal-pilastru tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna.