Id-dinja trid tkun imħejjija tajjeb għall-isfidi li se jitfaċċaw malli l-ISIS jitilfu l-pożizzjonijiet li għad fadlilhom fil-Punent ta’ Mosul fl-Iraq; trid tkun taf kif se tindirizza l-impatt li dan l-iżvilupp se jħalli fuq l-istruttura ta’ dan il-grupp terroristiku u fuq iċ-ċaqliq tal-ġellieda maħrubin lejn pajjiżi oħrajn, wissa l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela. Is-sitwazzjoni ta’ bħalissa titlob li l-pajjiżi jgħarblu fil-fond kif se jsaħħu u jikkonsolidaw il-koperazzjoni bejniethom biex jiżguraw li jkunu mħejjijin kif imiss, sabiex jindirizzaw dawn it-theddidiet għas-sigurtà tagħhom u jirbħu lil dan l-għadu komuni.
Il-Ministru Abela kien qed jitkellem waqt sessjoni ta’ ħidma reġjonali kontra t-terroriżmu bejn għadd ta’ pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Il-laqgħa, li qed titmexxa mill-Istati Uniti, qed issir fil-Belt Valletta illum u għada. L-iskop tagħha hu li jiġu mbuttati ’l quddiem l-isforzi tal-Istati Uniti biex jixxejjen l-ISIS.
Il-pajjiżi parteċipanti jinkludu l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk, u t-Tuneżija, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, Franza, in-Netherlands, u r-Renju Unit.
“Huwa essenzjali wkoll li jkollna mudelli ta’ integrazzjoni, parikolarment għal żgħażagħ u individwi minn gruppi vulenrabbli fil-pajjiżi tagħna li jistgħu faċilment jaqgħu fin-nassa tal-propaganda tat-terroristi. Irridu nindirizzaw il-kawżi fundamentali li jirrenduhom priża bla difiża għar-radikalizzazzjoni minn organizzazzjonijiet bħall-ISIS,” qal il-Ministru.
“Iridu wkoll nibqgħu nfittxu għal modi kif insaħħu l-fruntieri tagħna, inżommu għajnejna fuq il-ġellieda li jirritornaw, niġġieldu kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, intejbu l-qsim tal-informazzjoni u tal-intelliġenza, u nsaħħu l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u tal-miri faċli tagħna. Il-ġlieda tagħna kontra l-ISIS u kontra gruppi terroristiċi oħrajn trid tiġi intensifikata wkoll f’kamp tal-battalja ieħor importanti ħafna: l-internet.”
Fost dawk li qed jieħdu sehem fis-sessjoni ta’ ħidma f’Malta hemm il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, Gilles de Kerchove.