L-Erbgħa filgħodu saret laqgħa għolja dwar is-settur tal-propjetà f’pajjiżna, li matulha numru ta’ professjonisti f’dan is-settur tkellmu dwar l-isfidi u l-prospetti ta’ dan il-qasam.
Fost is-suġġetti diskussi kien hemm is-saħħa u s-sigurtà u l-kostruzzjoni.
Il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, indirizza din il-laqgħa u tkellem dwar is-sostenibilità tas-settur.
Qal, “Irridu li naraw li ninvestu fi standards aktar għolja kif isiru l-proġetti u dwar il-mod kif immexxu ’l quddiem dawn is-setturi importanti għal pajjiżna. Irridu naraw li nħallu inqas impatt ambjentali kif ukoll fuq il-madwar li jkunu qed iseħħu dawn il-proġetti.”
Il-Ministru elenka numru ta’ fatturi kif is-settur tal-proprjetà jista’ jkompli jitjieb, fosthom billi jiġu protetti l-wirt arkitettoniku u l-kwalità tal-ħajja.
Semma wkoll l-ambjent, u qal li l-industrija tal-kostruzzjoni għandha mhux biss taħseb dwar modi aħjar ta’ kif jiġi trattat l-iskart, imma wkoll li jkun hemm inqas tniġġis mill-istorbju ġġenerat waqt il-ħidma.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar kif, anke waqt iż-żminijiet ta’ sfida tal-pandemija, is-settur baqa’ reżiljenti, tant li saħansitra esperjenza tkabbir.