Waqt laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd fi Brussell ġie diskuss l-użu aktar sostenibbli tal-pestiċidji sabiex jitnaqqas r-riskju u l-impatt li jħallu dawn is-sustanzi fuq is-saħħa u l-ambjent.
Għalkemm l-Unjoni Ewropea diġà tħaddan miżuri stretti fuq l-użu tal-pestiċidji, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ġie diskuss il-bżonn illi l-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi l-użu ta’ dawn il-pesticidji b’aktar kawtela fost il-bdiewa u n-negozjanti.
Fost l-oħrajn l-Unjoni Ewropea qiegħda taħdem sabiex tipromwovi aktar l-użu ta’ pestiċidji organiċi u prattiċi agrikoli aktar sostenibbli. Dan bl-għan illi jiġi ssalvagwardjat kemm is-settur agrikolu nnifsu kif ukoll il-konsumaturi u l-ambjent.Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li Malta tħares lejn qafas b’implimentazzjoni ta’ prattiċi tajbin bħala l-aktar miżura importanti u effettiva, dan sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidji.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jsostni illi hemm bżonn ta’ aktar promozzjoni ta’ għarfien dwar l-użu sostenibbli ta’ dawn il-pestiċidji fost in-negozjanti u l-bdiewa li jaħdmu fis-settur agrikolu.
Waqt dan l-istess Kunsill, ġie diskuss ukoll l-immaniġġjar aħjar tal-ħamrija permezz ta’ prattiċi sostenibbli. “Il-Politika Agrikola Komuni għandha tkun l-istrument prinċipali li jiżgura livell għoli ta’ produzzjoni filwaqt li nipproteġu l-ħamrija.” Saħaq dan is-Segretarju Parlamentari Camilleri fejn spjega kif fid-dawl tal-isfidi ambjentali ta’ urbanizzazzjoni u t-tibdil tal-pajsaġġ, kif ukoll it-tibdil fil-klima, f’Malta poġġejna fil-prattika sistema ta’ mekkaniżmi regolatorji u inċentivi finanzjarji biex nipprevenu d-degradazzjoni tal-ħamrija li jinkludu miżuri fi ħdan il-programmi tal-iżvilupp rurali.
Fil-fatt, fil-programm attwali, hemm diversi miżuri li jtejbu l-metodi tal-koltivazzjoni, kif ukoll miżuri li jtejbu s-servizzi tal-ekosistema u l-bijodiversità; jippromwovu l-konservazzjoni u l-kwalità tal-ilma; u jikkontribwixxu għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi jtejbu l-immaniġġjar tal-ħamrija.
Ritratt: MESDC_PS