Id-diskorsi tal-Prim Ministru Joseph Muscat u dak tal-kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia komplew juru d-differenza bejn il-ħsieb ekonomiku u politiku taż-żewġ mexxejja.
Sostnew dan il-whip tal-Gvern Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħarġu d-defferenzi bejn iż-żewġ mexxejja fir-reazzjoni tagħhom għall-baġit għas-sena d-dieħla.
Dr De Battista saħaq li fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa jmeri d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-partit Nazzjonalista stess biex ibeżża lin-nies.
Innota li meta Delia qal li l-ħajja qed togħla iktar minn qabel, mar kontra dak li hemm f’paġna 19 tad-dokument tiegħu stess li juri kif il-ħajja qed togħla bin-nofs ta’ dak li kienet togħla fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Dan filwaqt li paġna 21 turi kif fl-elfejn u tlieta gvern Laburista sab 99,000 fil-faqar u niżżilnihom għal- 85,000.
Huwa saħaq li għalkemm dawn huma ċifri pożittivi, il-partit Laburista determinat li jaħdem iktar:
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jrid immigrazzjoni iżjed inteliġenti. Jien ngħid il-poplu jrid oppożizzjoni iżjed intelliġenti. Adrian Delia ma ndenjax ruħu jara d-dokument tiegħu stess. Filfatt id-dokument tiegħu stess, kieku iċċekja, kien jara illi mhux kif qal hu li żdied il-faqar, imma fil-verità il-faqar naqas b’eluf kbar ta’ nies u mhux kif qal hu li qed togħla l-ħajja b’mod esaġerat, anzi l-ħajja qed togħla bin-nofs ta’ kif kienet togħla taħt gvern nazzjonalista. U allura l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux ikompli jaħli ħin lill-pajjż. Jieħu l-irwol tiegħu b’aktar serjetà”.
Il-Whip tal-Grupp Gvern Byron Camilleri saħaq kif b’kuntrarju għad-diskors ta’ Adrian Delia, il-prim ministru kellu diskors li jwassal biex in-negozji joħolqu aktar impjiegi waqt li nnota li l-ħaddiema qed jingħataw aktar ħin mal-familja b’żieda fil-leave:
“Hemm differenza kuntrastanti ħafna bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, bejn Joseph Muscat u Adrian Delia, nhar it-Tnejn li għadda rajna Adrian Delia negattiv għal-aħħar. M’għandu xejn posittiv x’jgħid dwar il-poplu Malti u Għawdxi u bil-kuntrast, il-Prim Minisitru li għandu fiduċja qawwija mhux biss fil-poplu Malti u Għawdxi, f’pajjiżna, fin-negozji Maltin u Għawdxin. Għaliex bis-saħħa tas-suċċess li qed jilħqu l-familji Maltin, bis-saħħa tas-suċċess li qed jilħqu n-negozji Maltin nistgħu issa jgawdi kulħadd. Igawdu issa s-setturi kollha tas-soċjetá Maltija”.
Huwa spjega li d-differenza bejn iż-żewġ partiti se tkompli tidher sew waqt id-diskussjonijiet tal-estimi finanzjarji ta’ kull Ministeru. Żied jgħid li pajjiżna llum ma jintgħarafx minn seba’ snin ilu u li l-Gvern se jibqa’ jmexxi l-bidla.