Wara kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ waqt Gvern li Jisma’, numru ta’ nisa esprimew sodisfazzjoni għal dak li ntqal dwar l-introduzzjoni tal-morning after pill f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li Malta ma tistax twaqqaf kumpanija milli timporta l-morning after pill, jekk din għandha l-approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Sostna li mhuwiex f’pożizzjoni li jagħmel diskorsi morali, imma li jitkellem ma’ nies esperti.
F’dan il-każ, żied jgħid il-Prim Ministru, l-esperti jinsabu fi ħdan l-Awtorità tal-Mediċini. Qal li r-rispons tal-Awtorità issorprendietu, għaliex hemm nies li jieħdu pilloli oħra f’ammonti ikbar milli rakkomandabbli, sabiex ikollhom l-istess effett tal-morning after pill. Iżda, sostna Joseph Muscat, l-aktar ħaġa li ssorprendietu hija li hemm pillola li diġa’ hija liċenzjata u tinbiegħ fil-pajjiżi kollha Ewropej. U jekk kumpanija tixtieq tibda ġġibha hawn Malta, ma tistax titwaqqaf.
Għalkemm forsi primatur, fid-dawl li l-Prim Minsitru qal li għad trid issir diskussjoni fil-Parlament, in-nisa li oriġinarjament ressqu protest ġudizzjarju kontra l-istat biex jitolbu li f’pajjiżna tidħol il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza esprimew sodisfazzjoni kbir.
Permezz ta’ mezzi online, irringrazzjaw lil kull min, b’xi mod, kien influwenti. Mara partikolari qalet li għall-bidu, mhux kulħadd emmen fil-kawża, għaliex hemm affarijiet oħra aktar importanti x’wieħed jiddiskuti. Għalhekk din il-mara esprimiet sodisfazzjoni li l-introduzzjoni tal-morning after pill ittieħdet b’serjetà. Kliem ieħor bħal “it’s all good” u “well done and huge thanks”. Mara oħra qalet li issa finalment qed jirrenja ftit sens komun f’pajjiżna.