“Għada se jkollna baġit soċjali” hekk iddeskriva l-baġit għall-2017, il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attivitá politika fil-Marsa li ntemmet ftit tal-minuti ilu.
Permezz tar-roadmap tal-gvern, il-baġit għas-sena d-dieħla se jkompli jferrex il-ġid fost dawk il-membri tas-soċjetà li l-ġid għadu mhux qed jasal għandhom, saħaq Joseph Muscat għalhekk se jkollna baġit soċjali.
“Dan huwa gvern li minflok jieħu, jagħti. Se jkollna baġit pro business iżda wasal iż-żmien li ż-żgħir nett jieħu iktar, min ġenwinament ibagħti, u mhux min jabbuża”
Fakkar kif fi tlett snin il-gvern stabilizza l-ekonomija, attratta investiment u ħeġġeġ iktar nies, b’ mod speċjali lin-nisa joħorġu jaħdmu biex kompliet tikber l-ekonomija. Il-pass ta’ wara kienet il-ġlieda kontra l-abbuż. Iżda issa l-gvern se jiffoka fuq dawk in-nies li ġenwinament jirsistu kemm jirsistu ma jistgħux jimxu ‘l quddiem u jibqgħu jissieltu mal-ħajja.
Il-Prim Ministru saħaq li dan ma setax isir qabel għaliex il-gvern ma setax iqassam dak li ma kellux.
B’ rating ogħla pajjiżna huwa iktar fdat internazzjonalment
Ir-rating ogħla li tagħtna l-aġenżija internazzjonali ta’ kreditu Standard & Poors, wara għoxrin sena, huwa ċertifikat li jħalli effett dirett fuq il-poplu. Joseph Muscat spjega kif meta r-rating tal-pajjiż jitla’ ‘l fuq, ir-rata tal-imaxx li jkollu jħallas il-pajjiż fuq id-dejn tonqos ukoll.
Għalhekk pajjiżna jiffranka l-miljuni li jistgħu jintefqu fis-soċjeta, f’ iktar benefiċċji soċjali, fis-saħħħa, edukazzjoni u oqsma oħra. Dan filwaqt li iktar investituri jafdaw u jersqu lejn pajjiżna. Muscat fakkar kif il-45 proġett li saru din is-sena b’ kollaborazzjoni mal-Malta enterprise ħolqu 800 post tax-xogħol u li issa wasalna f’ sitwazzjoni fejn l-industrijalisti u minn jinvesti ma jitkellmux dwar l-ispejjeż iżda dwar kif se jsibu biżżejjed nies biex jimpjegaw.
Muscat saħaq li huwa għalhekk li f’ dawn it-tlett snin, l-ekonomija ta’ pajjiżna ingħatat prijorita assoluta. “Kull ħaġa li qed tgawdu minnha, intom familji u negozji, ġejja mill-fatt li dan huwa gver favur iktar negozju, negozju b’ regoli” saħaq il-Prim Ministru.
L-Inkonsistenzi fil-PN dwar l-enerġija
It-tankijiet tad-diesel u taż-żejt f’ nofs Birzebbuġa ma dejqux lill-Partit Nazzjonalista, huwa s-sors t’enerġija nadifa li qed jipprotesta kontrih. Muscat staqsa li jekk it-tanker tal-LNG huwa punt ta’ prinċipju għall-Kap tal-Oppożizzjoni, x’se jagħmel jekk il-poplu jtih il-fiduċja li jmexxi l-pajjiż? Staqsa jekk is-soluzzjoni tal-Partit Nazzjonalista hijiex li nibqgħu nixtru ż-żejt, bil-commissions bħal fil-passat u jerġax jiftaħ il-powerstation tal-Marsa biex pajjiżna jlaħħaq mal-konsum tal-enerġija.
Il-Prim Minsitru fakkar kif b’ direttiva tal-Unjoni Ewropea kull port ewlieni għandu jkollu faċilitajiet għat-tankers. Punt tekniku li l-kap tal-oppożiżżjoni, jew ma jafx bih jew qed jagħżel li jinjorah u jkompli jxewwex lill-pubbliku għad-detriment ta’ arja iktar nadifa.
Simon Busuttil ma jieħux azzjoni dwar id-Deputati tiegħu
Fid-dawl tar-rapport fil-media dwar id-deputati tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru innota li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jibqa’ sieket u ma jieħux azzjoni fil-konfront tagħhom. Għalhekk il-mexxej tal-Partit Laburista talab lil Simon Busuttil jgħid x’ passi se jieħu fil-konfront ta’ Tonio Fenech u l-iskużi li qed joħroġ bihom biex jipprova jiġġustifika l-involviment tiegħu fil-każ tal-Falcon Funds.