Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qalet kif kummenti sessisti joħolqu klima ta’ intimidazzjoni, biża’ u nuqqas ta’ sigurtà.
Saħqet li n-nisa li jkunu fil-politika u ġurnalisti huma dawk li ta spiss ikun fil-mira ta’ abbuż sessist.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, l-għada tal-kummenti ta’ Godfrey Leone Ganado li insulta ġurnalista li kienet qed issaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera esprimiet ix-xokk għall-kummenti bħal ta’ Ganado, speċjalment ftit jiem wara li ġie ċċelebrat jum il-mara.
Qalet kif, “Kont ixxukkjata, bilfors, għadu kif għadda l-Jum Internazzjonali tal-Mara, għamilna dawk l-attivitajiet kollha biex inqajmu kuxjenza dwar il-bżonn tan-nisa biex in-nisa jipparteċipaw, kif għaddew fil-Covid, kemm batew iktar mill-irġiel minħabba l-Covid, jiġifieri ma kienx assolutament f’postu u f’waqtu, jekk qatt ikun.”
Lil Kap tat-taqsima tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali, Godfrey Leone Ganado li jappoġġja bi sħiħ lil Bernard Grech u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, qalilha kemm hi sħuna.
Leone Ganado staqsa lil Norma Saliba, jekk qattx semgħet bil-kelma prostituta politika u filkas tħares lejn il-mera u tkun taf.
Il-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza spjegat kif madwar tlieta u sittin fil-mija tal-ġurnalisti nisa fl-Unjoni Ewropea ġew ikkonfrontati b’abbuż verbali, filwaqt li tmienja u ħamsin fil-mija tal-politikanti nisa minn ħamsa u erbgħin pajjiż Ewropew kienu fil-mira ta’ attakki sessisti fuq pjattaformi soċjali.
Intqal ukoll kif diskors bħal dan ikabbar l-inugwaljanza bejn is-sessi, hekk kif ixekkel il-partiċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-ħajja pubblika.
Fi żmien fejn pajjiżna qed jimbotta riforma favur rappreżentanza iżjed ugwali fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, Renee Laiveria appellat sabiex wieħed jaħseb qabel ma jikteb xi kumment fuq il-midja soċjali.
Spjegat, “Ninsew nieqfu, aħna qabel meta konna żgħar kienu jgħidulna li qabel tgħid xi ħadd għodd sal-għaxra, illum għandna bżonnu 900 qabel niktbu xi ħaġa. Għaliex dak li niktbu jibqa’ hemm u jista jkun li dak li jkun lanqas ikun qed jirrealizza kemm qed jagħmel deni, kemm qed jagħmel deni mhux dik lil dik il-persuna, imma l-familja tagħha, lil nisa oħra, lis-soċjetà kollha għax finalment is-soċjetà għandha bżonn il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-irġiel.”
Il-pulizija kkonfermat ma’ dan l-istazzjon li l-pulizija qed tinvestiga dan il-każ ta’ Leone Ganado li jaħdem ukoll fid-ditta legali tal-kandidat Nazzjonalista.
Godfrey Leone Ganado mhux l-ewwel darba li uża l-kelma prostituta biex jgħajjar lil xi mara li ma jkunx jaqbel magħha.
Il-Qorti żammet fost oħrajn lil Ganado responsabbli ta’ kliem dispreġjattiv u malafamanti fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Lil Rosianne Cutajar, Leone Ganado kien għajjarha qaħba u weħel tmien mitt ewro apparti spejjeż tal-Qorti.
Riżultat ta’ sentenza tal-Qorti, kien spiċċa sar crowdfunding, jiġifieri ġabra online biex Ganado jħallas għad-danni.
L-insulti u t-tgħajjir dispreġjattiv ta’ Godfrey Leone Ganado kienu diversi iżda finalment huwa faħħar lil Bernard Grech, li sejjaħlu ferrovija ferrari.