Qatt daqs illum ma toħroġ ċara d-differenza fit-twemmin bejn iż-żewġ partiti u bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan qaluh il-Ministru Owen Bonnici u l-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Jesmond Bonello waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, b’reazzjoni għad-diskors ta’ Bernard Grech, li wera biċ-ċar kemm hu politiku ankrat fil-passat.
Huma qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ, b’ton isteriku, reġa’ kkonferma li jrid il-politika tal-Partit Nazzjonalista tal-passat. Diskors negattiv, nieqes minn kull forma ta’ viżjoni għal pajjiż u kien żbaljat f’diversi istanzi waqt diskorsu.
Il-Ministru Bonnici sostna kif dan il-Baġit għall-2024 tfassal fuq l-ideat tan-nies u jolqot il-faxxi kollha tas-soċjetà, b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli u fil-klassi medja.
Dan filwaqt li jassigura li l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ waħda b’saħħitha u fost l-aqwa fl-Ewropa, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jipprovaw ipinġu dawk fl-Oppożizjoni.
“F’mument ta’ sfidi kbar, jinħolqu wkoll opportunitajiet u dak li għamilna bil-Baġit Malta Ġusta hu li inċentivajna l-faxex kollha tas-soċjetà … Baġit bi ħsieb strateġiku li jkompli jġedded fuq l-għaxar snin li għaddew, filwaqt li nkomplu noffru l-ġid għall-għaxar snin li ġejjin.”
Hu fakkar ukoll kif minkejja li l-Partit Nazzjonalista hu ffokat fil-passat, jonqos milli jagħraf id-diversi bidliet u riformi pożittivi li ġab u għadu jġib Gvern Laburista, kemm mill-att soċjali kif ukoll ekonomiku.
Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jesmond Bonello spjega kif id-diskors partiġġjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni tal-bieraħ kompla juri l-inkompetenza u l-arroganza li jħaddan il-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal li l-politika li tħaddan l-Oppożizzjoni hi waħda li tbiegħed lin-nies u mingħajr ebda viżjoni. Hu fakkar li dan ħareġ aktar biċ-ċar għax l-Oppożizzjoni lanqas biss ħejjiet pre-budget document.
“Kif tista’ tieħu l-Oppożizzjoni bis-serjetà meta s-sena l-oħra lejlet il-baġit għamlu pre-budget document mimli żbalji, tant li l-esperti u l-midja kienu ddeskrivewh bħala ‘mess’ u din is-sena biex ma jagħmlux l-istess tgħaffiġa, m’għamlu xejn. Anzi biex inkun korrett, għamlu ftit slides li lanqas biss id-deputati ewlenin tagħhom ma kienu kapaċi jifhmu, aħseb u ara jispjegawhom u jfehmuhom lin-nies.”
Iż-żewġ kelliema qalu li Gvern Laburista se jibqa’ jkun tarka għall-poplu Malti u Għawdxi. Jibqa’ jaġixxi dwar ir-realtajiet tan-nies b’miżuri u deċiżjonijiet konkreti. Il-politika tal-inċentiv minflok il-politika tal-awsterità.
Għalhekk il-Baġit għas-sena d-dieħla mela lin-nies u lin-negozji bil-fiduċja biex jibqgħu jimirħu ’l quddiem fis-soċjetà.