F’diskors ta’ sagħtejn biex iwieġeb għad-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem fuq kollox ħlief fuq il-budget.
Quddiem sensiela ta’ miżuri li se jkomplu jippremjaw lill-familji bieżla u jgħinu lil min hu l-aktar batut, Adrian Delia qal li l-faqar qiegħed jiżdied. Dan fl-istess ġimgħa wkoll li ċifri uffiċjali tal-Eurostat ikkonfermaw li l-persuni f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna komplew jonqsu u llum jinsabu taħt il-medja Ewropea.
Delia sostna “Qed jikber il-faqar f’pajjiżna.”
Saħansitra din id-dikjarazzjoni tikkontradixxi d-dokument ta’ qabel il-budget li ppreżenta l-istess Kap tal-Oppożizzjoni.
L-istess dokument tal-Partit Nazzjonalista li fuqu hemm iswed fuq l-abjad li mill-2013 l’ hawn il-faqar naqas.
Fl-istess jum li l-uffiċċju tal-Istatistika ħabbar li s-sena li għaddiet pajjiżna rreġistra surplus ieħor fil-finanzi pubbliċi tiegħu, Delia qal pajjiżna għamel surplus ieħor.
Delia sostna: “Għandna surplus wara l-ieħor.”
Iżda lanqas laħqu għaddew 5 minuti li ma dawwarx il-verżjoni u beda jistaqsi fejn hu dan is-surplus.
Quddiem il-fatt li Malta qed tiġi deskritta fost l-aqwa fid-dinja fl-iżvilupp tas-settur tat-tekonoloġiji l-ġodda bħal dak tal-blockchian, l-intelliġenza artificjali, DLT u l-FINtech, Delia qal li l-budget ma semma xejn dwar oqsma ekonomiċi ġodda.
Delia saħaq: “Fid-diskors tal-budget, illi imkien, imkien fid-diskors sħiħ ma smajna settur wieħed ġdid.” Filwaqt li qal li mhux jiġi investiment.
“U ma sarx investiment b’euro wieħed”, sostna Delia.
Saħansitra spiċċa jikkritika l-powerstation tal-gass li naqset l-emmissjonijiet fl-arja b’90% fejn qal: “Mis-settur tal-enerġija, powerstation illi ma setgħetx issir kif saret.”
Fil-Parlament il-Kap Nazzjonalista wasal biex qal li l-Gvern nesa lin-nisa: “Il-Gvern li qal li ħa jkun l-iktar wieħed femminist fl-istorja ta’ pajjiżna fil-Budget illi għandna quddiemu ma jsemmihom qatt.”
Intant fid-diskors tiegħu spikkaw mumenti fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni tilifha sew u nfexx f’għajjat isteriku anki għaliex skontu l-Gvern mhu jagħmel xejn biex jindirizza l-isfida tal-housing soċjali u l-akkomodazzjoni affordabbli.
Dan anki jekk fil-budget għas-sena d-dieħla hemm miżuri li fost l-oħrajn se jgħinu liż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom, Delia baqa’ jgħid: “Xejn xejn.”
Adrian Delia kompla jitlifha u beda jsemmi l-ġlied fil-Parlament: “U jkollna mmorru niġġieldu.”
Imbagħad kompla jgħolli leħnu u jirrabja fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż meta qal: “Kollha nweġibkom wieħed wieħed bl-istatistika.”
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li d-diskors ta’ Adrian Delia kien b’lemħiet xenofobiċi u maqtugħ mir-realtà li qed jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin.
“Il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel dak kollu li seta’ biex jinjora budget li ta l-akbar żieda lill-pensjonanti fl-aħħar 40 sena, żied ġurnata oħra leave, naqqas it-taxxa lill-ħaddiema u ħa miżuri bla preċedent biex jindirizza l-isfidi tal-klima, wera biċ-ċar li bħal ta’ qablu Delia għażel li jibqa’ jkun negattiv”, temm jgħid il-Partit Laburista.