Ilbieraħ kienet ċelebrazzjoni li mliet il-Pjazza ta’ Kastilja b’eluf kbar ta’ nies. Kien hemm spirtu ta’ għaqda, ferħ u ċelebrazzjoni. Il-Poplu Malti u Għawdxi wera l-apprezzament tiegħu lejn dan il-Gvern u lejn il-mod ta’ tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
F’dawn l-aħħar tliet snin, il-pajjiż qabad direzzjoni li magħha hemm ħafna kisbiet u suċċessi. Direzzjoni, li ma kinitx faċli, u dan peress li dan il-Gvern ma tantx sab jew saħansitra ma wiritx affarijiet sbieħ iżda wiret djun kbar li ħalla Gvern Nazzjonalista u fabbriki u impjiegi mdendlin fix-xifer.
Il-kapaċità toħroġ hawn. Joseph Muscat, wera kemm huwa kaptan li kapaċi joħroġ il-bastiment mill-maltemp għal ġol-bnazzi. Hekk kienu dawn l-aħħar tliet snin. Minflok tkellem fuq x’sab u x’wiret, ħares ’il quddiem u wera li dan huwa Gvern b’viżjoni, Gvern li r-road map tiegħu kienet waħda ċara u determinata. Road map li qed twassalna biex kull wieħed u waħda minnha bilkemm irridu nemmnu l-ġid kollu li qed nesperjenzaw. Ġid li żgur ħadd ma stenna li dan il-Gvern kien determinat li jikseb.
Id-diskors tal-bieraħ tal-mexxej Joseph Muscat kien diskors li jgħaqqad lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Diskors ta’ nazzjon u mhux ta’ nofs poplu. Diskors li jimlik b’enerġija pożittiva, entużjażmu, kuraġġ u determinazzjoni. Diskors li jagħmlek kburi b’dan il-Gvern. Diskors li jitkellem dwar “għada” u mhux “ilbieraħ”. Diskors li ħareġ minn qalb Muscat. Diskors li jfakkrek li dan il-Gvern jaħseb f’kulħadd, mil-kbir għaż-żgħir u anke f’mingħandu diżabbilità. Gvern li jipproteġi l-ħaddiema u Gvern li huwa minn ta’ quddiem biex jieħu passi kontra min jabbuża bil-ħaddiem.
Irrid ngħid li sfortunatament, għad għandna Oppożizzjoni negattiva li fit-tmun tagħha hemm Kap tal-Oppożizzjoni bla ideat, bla viżjoni u mingħajr sens ta’ tifsir ta’ x’għandu jfisser li tmexxi pajjiż. Kap ta’ l-Oppożizzjoni li qed ikompli jħaffer il-ħofra li kien ħalla l-Gvern tiegħu stess, meta huwa kien parti minnu, tliet snin ilu.
Il-Poplu Malti u Għawdxi kburi bil-ġid li qed joħloq dan il-Gvern. Kburi bis-suċċessi li qed jinkisbu f’pajjiżna. Kburi li fl-aħħar, dan il-pajjiż qabad it-triq it-tajba. Poplu li qed jaħdem id f’id ma dan il-Gvern. Poplu li jagħmlek kburi bil-ħiliet tiegħu.
Is-sinjal ilbieraħ kien wieħed ċar daqs il-kristall. Il-poplu wieġeb għas-sejħa u l-ħtieġa li jkun quddiem il-Pjazza ta’ Kastilja biex għaċ-ċelebrazjonijiet ta’ l-1 ta’ Mejju lil dan il-Gvern u lil Joseph Muscat jgħidulu GRAZZI.