Il-padiljun Malti għal-London Design Biennale 2025, imsejjaħ ‘URNA’, se jiffoka fuq tema innovattiva marbuta mal-mewt, b’enfasi fuq il-kremazzjoni u r-ritwali li jdawruha. Il-proġett jipproponi li, minflok il-metodi tradizzjonali tad-dfin jew kremazzjoni individwali, il-fdalijiet umani jitqiegħdu f’urna waħda kbira u komunali. Dan joħloq idea ta’ għaqda u kontinwità wara l-mewt.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, waqt żjara fil-fabbrika ta’ Halmann Vella Limited f’Ħal Far.
L-urna simbolika se tkun magħmula minn ġebla tal-franka rikostitwita, materjal lokali prezzjuż u l-proġett hu maħsub biex ikun sostenibbli u jiffoka fuq l-użu ta’ riżorsi naturali. Il-padiljun se jkun esebit fis-Somerset House f’Londra bejn il-5 u d-29 ta’ Ġunju li ġej, fejn se tiġi murija din l-installazzjoni monumentali. Se jkun hemm ukoll riċerka viżiva u miktuba, flimkien ma’ film li jikkunsidra l-futur ta’ ritwali marbutin mal-mewt.
It-tim multi-nazzjonali, li jinkludi artisti, disinjaturi u kuraturi minn Malta u pajjiżi oħrajn, hu mmexxi mill-Perit Andrew Borg Wirth. Dan qed jikkollabora biex joħloq din il-viżjoni unika. Il-proġett qed jiġi appoġġat minn diversi entitajiet, fosthom Halmann Vella, li qed jipprovdu ġebla rikostitwita bħala materjal prinċipali għall-installazzjoni.
Wara l-esebizzjoni f’Londra, l-installazzjoni se tiġi murija f’Malta wkoll, biex l-udjenzi lokali jkunu jistgħu jaraw dan ix-xogħol mill-qrib.
‘URNA’ hu viżjoni ta’ disinn sostenibbli li jista’ jiġi addattat għal pajsaġġi u kulturi differenti, waqt li jirrappreżenta approċċ futuristiku għall-ħajja wara l-mewt.