Il-kandidati għall-Presidenza tal-Istati Uniti ltaqgħu f’dibattitu għall-ewwel darba fejn għal 90 minuta argumentaw dwar it-taxxi, il-każ tal-imejls, il-politika barranija u anke t-temperament personali tagħhom. Kien hemm diversi mumenti fejn Clinton poġġiet lil Trump fuq id-difiża speċjalment meta għafset fuq it-temperament tiegħu u l-fatt li ma jridx jippubblika t-tagħrif dwar il-ħlas ta’ taxi minn naħa tiegħu. Fakkret ukoll fid-dikjarazzjonijiet li kien għamel dwar razez differenti u n-nisa.
Iktar ma beda jgħaddi l-ħin Clinton dehret iktar b’saħħitha. “Jidher li Trump għadu kif kritikani għax ħejjejt għal dan id-dibattitu. Taf għaliex preparajt iktar? Għall-Presidenza. U dik ħaġa tajba. Minn naħa tiegħu Trump deher sodisfatt bil-prestazzjoni. Wara d-dibattitu qal: “Mort aħjar milli qatt ħsibt.” Id-dibattitu fi New York jista’ jkun l-iktar dibattitu segwit fl-istorja tat-televiżjoni b’iktar minn mitt miljun telespettatur. Stħarriġ tal-opinjoni pubblika jindika li t-tellieqa elettorali qed tara liż-żewġ kandidati ras imb ras, bi Clinton għandha vantaġġ minimu.