Mill-inqas disa’ persuni tilfu ħajjithom waqt ġlieda kbira fi grawnd tal-futbol fil-kapitali ta’ El Salvador, fiċ-Ċentru tal-Amerika.
Il-pulizija qalet li fost il-mejta hemm sebat irġiel u żewġ nisa, u kollha għandhom ‘il fuq minn 18-il sena.
Il-massakru seħħ waqt partita bejn żewġ timijiet lokali.
Il-partita ġiet sospiża għal għaxar minuti wara li numru kbir ta’ partitarji ppruvaw jidħlu fil-grawnd wara li l-gradi kienu diġa ngħalqu.
Voluntier ma’ grupp tal-ewwel għajnuna qal kif baħar ta’ nies qabżu l-grada wara li bdew iwaqqgħu l-barrikati fid-daħla tal-istadium.
Fuq Twitter il-President ta’ El Salvador qal kif il-pulizija qed tinvestiga bir-reqqa dak li ġara u dawk li huma responsabbli għall-mewt ta’ dawn il-persuni se jieħdu dak li ħaqqhom.