Malta Public Transport ħabbret servizz ġdid imsejjaħ Disco Bus, li se joffri mod faċli ta’ vjaġġar bejn l-aktar postijiet ta’ divertiment popolari f’Malta: San Ġiljan, Tas-Sliema, Uno u Gianpula Village.
Id-Disco bus, li topera fi tmiem il-ġimgħa, titlaq minn San Ġiljan kull 30 minuta, u tieqaf fi Spinola, Tas-Sliema, Uno (f’Ta’ Qali) u ttemm il-vjaġġ f’Gianpula Village, bi vjaġġi li jitilqu bejn il-22:40 u s-01:40 nhar ta’ Ġimgħa u Sibt, u bejn it-20:20 u l-22:50 nhar ta’ Ħadd. Il-vjaġġ lura jitlaq minn Gianpula Village bejn is-1:30 u l-04:00 nhar ta’ Ġimgħa u Sibt; u bejn il-22:40 u s-01:10 nhar ta’ Ħadd.
“Dan hu wieħed mis-servizzi ġodda li qed noffru sabiex il-passiġġieri tagħna jinqdew aħjar,” saħaq Daniel Grech, Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Dan is-servizz huwa ideali għaż-żagħżagħ, peress li bid-Disco Bus jistgħu jivjaġġaw matul il-lejl bejn dawn il-postijiet popolari b’mod sigur, faċilment u bi prezz baxx.”
Passiġġieri li għandhom Tallinja card jibbenefikaw minn rata ta’ €2.50 għal kull vjaġġ fuq id-Disco Bus, waqt li biljetti li jinxtraw mingħand ix-xufier jiswew €3.00 għal kull vjaġġ. Passiġġieri jistgħu ukoll jagħmlu użu mit-12 Single Day Journey card, fejn jinqatgħu 2 vjaġġi (equivalenti għal €2.50) kull darba li l-card tintuża fuq id-Disco Bus. Ma hemm l-ebda’ ħlas addizzjonali għal dawk li jużaw l-ExplorePlus card, filwaqt li l-Explore cards ma jistgħux jintużaw għal dan is-servizz.